Dehra mhux tas-soltu ġibdet l-attenzjoni fuq Għawdex, hekk kif ġie osservat sħab Mammatus (tip ta’ sħab magħruf għall-forma partikolari tiegħu).
Id-dehra ta’ dan is-sħab tiġbed l-għajn għaliex faċilment tagħrfu minn tipi oħra ta’ sħab. Il-paġna Aġġornament tat-Temp spjegat li s-sħab Mammatus normalment ikun marbut ma’ sħab ta’ maltemp qawwi. Jifforma meta arja kiesħa, flimkien ma’ qtar tal-ilma jew kristalli tas-silġ, tinżel ’l isfel u tifforma dawn iċ-ċapep li jagħtuh id-dehra tant partikolari tiegħu.
Minkejja li dan it-tip ta’ sħab jista’ jidher waqt jew wara temp imqalleb, meta jidher waħdu ma jfissirx dejjem li hemm ċans ta' maltempata qawwija fil-qrib. Fil-fatt, skont il-paġna Aġġornament tat-Temp, il-maltemp qed jiġi osservat fil-Grigal u l-Lbiċ tal-gżejjer Maltin, iżda l-indikazzjonijiet huma li mhux se jolqotna direttament.
Għaldaqstant skont l-informazzjoni li ġiet mogħtija jidher li din il-ġimgħa hemm ċans ta’ waqtiet ta’ xita sa’ nhar il-Ħamis li ġej filgħodu. “Is-sħab Mammatus huwa relattivament rari f’Malta u meta jidher, diffiċli ma jiġbidx l-għajn,” temmet tgħid il-paġna.
Fb/ Aġġornament tat-temp & Pexels