Il-waqfien mill-gażaża jista’ jkun pass mhux daqshekk faċli għal xi tfal, speċjalment meta jkunu draw jużawha bħala sors ta’ wens. Dr. Joseph Mizzi qasam numru ta’ pariri mal-ġenituri dwar kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom jitilqu l-gażaża bil-mod u b’konsistenza.
Huwa semma diversi raġunijiet għaliex il-ġenituri jistgħu jikkunsidraw dan il-pass, fosthom l-iżvilupp tad-diskors, it-tkabbir tas-snien u l-ħanek, kif ukoll it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-gażaża għall-wens.
Mizzi jissuġġerixxi li l-aħjar pass huwa li l-ewwel tibda billi tillimita l-gażaża għall-ħin tal-irqad biss. Matul il-ġurnata, il-ġenituri jistgħu joffru alternattivi ta’ wens bħal tgħanniqa, storja, logħob jew li toffrilhom il-ġugarell favorit. Meta dan jindehra b’mod konsistenti, il-ġenitur ikun fiċ-ċans li jagħżel ġurnata partikolari li minnha l-gażaża titwaqqaf kompletament.
Madankollu jistqarr ukoll li l-ewwel ftit jiem jistgħu jkunu kemxejn diffiċli, iżda bi ftit paċenzja, inkoraġġiment u konsistenza tista’ tgħin lit-tfal jadattaw għal din il-bidla.“Prosit! Pass ieħor ’il quddiem fl-iżvilupp ta’ wliedkom,” temm jgħid Mizzi fil-messaġġ tiegħu.
Fb/ Joseph Mizzi & Pexels