Droga li trażżan l-aptit qed titqies li ħa toħloq bidla radikali fil-ġlieda kontra l-obeżità wara li r-riċerka wriet li tista’ tnaqqas il-piż tal-ġisem b’20%. L-istudju sar mill-University College London, li wera li aktar minn terz (35%) tan-nies li ħadu din id-droga tilfu madwar 20% tal-piż tagħhom.
Ir-riċerkaturi jgħidu li dan ifisser li għall-ewwel darba huwa possibbli li wieħed jitlef il-piż permezz tal-pilloli, flok wieħed jagħmel operazzjoni biex jitlef mill-piż. L-implikazzjonijiet negattivi għas-saħħa minħabba l-obeżità dehru aktar ċari minħabba l-pandemija u r-rata ta’ mortalità.
Is-semaglutide jaħdem billi jkollu kontroll fuq is-sistema li tirregola l-aptit tal-ġisem fil-moħħ, li twassal għal tnaqqis fil-ġuħ u l-konsum ta’ inqas kaloriji. F’dawk li ħadu s-semaglutide, tilfu medja ta’ 15.3kg f’piż, bi tnaqqis fil-BMI ta’ 5.54.