Kanzunetta ġdida bil-Malti kompliet tagħmel il-marka tagħha fuq l-istazzjonijiet tar-radju lokali hekk kif fl-aħħar ġimgħat bdiet tinstema’ l-kanzunetta “Bħal Ħolma”, kollaborazzjoni bejn iż-żewġ mużiċisti Daryl Ebejer u David Cassar Torregiani.
Iż-żewġ artisti huma magħrufa sew fix-xena tar-rock lokali u matul is-snin ħadmu flimkien fuq diversi proġetti mużikali. Huma kienu involuti f’numru ta’ recordings taħt il-band Purple Haze, isem magħruf ħafna fost id-dilettanti tar-rock f’Malta, kif ukoll f’diversi kunċerti live mal-grupp The Rock Troupers.
Il-kanzunetta “Bħal Ħolma” għandha tifsira emozzjonali qawwija hekk kif il-lirika tagħha hija ddedikata għall-memorja ta’ Steve Borg, eks kitarrist tal-band Purple Haze li miet fl-2013. Steve Borg kien meqjus bħala wieħed mill-aktar kitarristi rispettati fix-xena mużikali lokali u, apparti x-xogħol tiegħu ma’ Purple Haze, ħadem ukoll fuq recordings ma’ artisti magħrufa bħal Enzo Gusman u Mike Spiteri, fost oħrajn.
Din hija t-tielet kanzunetta bil-Malti li ħareġ Daryl Ebejer matul dawn l-aħħar snin, wara “Hawn Għalik” u “Agħlaq Għajnejk”. Il-kanzunetta tkompli tibni fuq l-istil mużikali li Daryl introduċa permezz ta’ dawn iż-żewġ releases preċedenti, b’taħlita ta’ emozzjoni, melodiji rock u lirika personali.
“Bħal Ħolma” diġà tinsab disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali ewlenin kollha u jidher li ntlaqgħet tajjeb kemm mill-istazzjonijiet tar-radju lokali kif ukoll mis-segwaċi tal-mużika Maltija.