F’messaġġ emozzjonanti li mess il-qlub ta’ ħafna fuq il-midja soċjali, Simon Mizzi fetaħ qalbu dwar it-telfa ta’ Noah u l-vojt li ħalla warajh, waqt li fakkar kif il-memorja tiegħu għadha preżenti f’kull mument tal-ħajja ta’ kuljum.
Fil-kitba tiegħu, Simon jitkellem dwar kemm iż-żmien jidher li jgħaddi malajr, speċjalment f’dan il-perjodu diffiċli, hekk kif ċerti mumenti sempliċi jibqgħu jfakkruk f’dawk li ma għadhomx magħna. Huwa kiteb, “Il-ġranet huma twal, imma ż-żmien itir. Speċjalment f’dan il-perjodu. Fejn kulma nagħmel u kulma nħoss, ngħid kemm nixtieq li kont hawn f’ħoġri waqt li għaddej intektek fuq il-laptop, bħal sentejn ilu.”
Simon iżid jgħid, “Dak li nagħmlu xtaqtek tgawdih int ma’ ħaddieħor. Aħna ngawdu l-memorja tiegħek.
Ta’ kemm kont timla d-dar u kemm għadek timlieha b’mod ieħor. Niftakru fik fil-ferħ. Niftakru fik fid-dieqa. Naf li inti miegħi f’kull pass. U f’kull ħsieb. Noah, Noah. Nispera li, int fejn int, kburi bina; u ftakar li int maħbub għal dejjem.”
Ma’ dan hu jgħid ukoll, “Ħu ħsiebu, Mulej. Grazzi Mulej.” Il-messaġġ qanqal diversi reazzjonijiet ta’ appoġġ u solidarjetà minn persuni li segwew il-kitba tiegħu, b’ħafna jesprimu kemm ħassewhom milquta bil-kliem mimli mħabba, nostalġija u tama. Il-kliem ta’ Simon huwa tfakkira qawwija ta’ kif il-memorji ta’ dawk li nitilfu jibqgħu jgħixu magħna kuljum, f’kull ħsieb, f’kull emozzjoni u f’kull pass tal-ħajja.
Facebook / Simon Mizzi