“Bħal-Lum 21 Sena Ilu. Sirna Ġenituri Għal L-Ewwel Darba. Niftakarha Sew Din Il-Ġurnata… Dawk L-Għajnejn Ħelwin Iżebġu U Jħarsu Lejna” – Omm Nathan Psaila

Nathan Psaila

Illum jagħlaq sninu l-kantant lokali żagħżugħ Nathan Psaila li rajnieh f'X Factor Malta, fil-KKI, u fil-Malta Eurovision. Nathan huwa xi ħadd li tista' tgħid rajnieh jikber kemm bħala żagħżugħ kif ukoll bħala artist.

Din is-sena hu kien wieħed mill-finalisti tal-Malta Eurovision għar-raba' darba, bil-kanzunetta Ganador. Omm Nathan, Leighanne Psaila kienet fost dawk li ħallietlu messaġġ mill-isbaħ għall-okkażjoni.

"Awguri lill-ġojjell tagħna, Nathan, f'għeluq sninu. Illum ħa jerġa' jinqaleb numru ġdid u paġna oħra. 21 sena kif għaddew. Bħal-lum 21 sena ilu sirna ġenituri għall-ewwel darba. Niftakarha sew din il-ġurnata. Meta rajtek l-ewwel darba lanqas ridt nemmen. Dawk l-għajnejn ħelwin iżebġu u jħarsu lejna."

Leighanne tkompli, "Illum 20 sena wara nirringrazzjaw lill-Mulej talli għoġbu jagħtina lil dan il-ġuvni sabiħ, dħuli ,bil-għaqal, jagħmel minn kollox biex jgħin u jara lil ħaddiehor kuntent. Minn filgħodu jqum dejjem b'dik it-tbissima fuq wiċċu. Nathan, żomm dejjem saqajk mal-art u tinbidel għal ħadd."

Tkompli tesprimi kemm hi kbuija bih u b'dak kollu li jwettaq, anke jekk jinqalgħu xi ostakli. Issemmi anke lill-anġlu ċkejken li hemm iħarishom, lil ħuh Chase, u tgħidlu li ċertament qed jipproteġih f'kull pass.

Awguri minn qalbna Nathan f'isem it-tim ta' Gwida.mt!

Ritratti:

Facebook/ Nathan Psaila

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI