Il-kantant lokali Franklin Calleja qasam riflessjoni sinifikanti dwar is-suġġett sensittiv tas-suwiċidju, hekk kif fakkar kemm hu importanti li nitkellmu u ma nħallux il-ħsibijiet negattivi jegħlbuna.
“Suwiċidju” hija kelma tqila u qawwija, li ħafna drabi ġġib magħha niket u mistoqsijiet dwar kemm nies qed jgħixu ġlidiet li ma jidhrux minn barra. Franklin spjega kif kultant persuna tista’ tidher kuntenta u tkompli bil-ħajja normali, iżda tkun qed iġġorr magħha uġigħ kbir moħbi wara “maskra”.
Calleja staqsa għaliex kultant nitilfu t-tama u nħallu d-diffikultajiet jikkonvinċuna li m’hemmx soluzzjoni. Huwa fakkar li kull persuna għandha valur, li l-ħajja fiha ħafna memorji sbieħ, u li anke fl-iktar mumenti diffiċli hemm għajnuna disponibbli.
Għalhekk ħeġġeġ lil dawk li qed ibatu, biex jitkellmu u jfittxu l-appoġġ, għax m’għandhomx għalfejn jgħaddu minn kollox waħedhom. Għal min għandu bżonn jitkellem, il-1579 huwa l-Helpline Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, disponibbli 24 siegħa kuljum u 7 ijiem fil-ġimgħa, biex joffri appoġġ u gwida.
Facebook/Franklin Calleja