Il-pedjatra Dr. Joseph Mizzi kiteb twissija għall-ġenituri fuq Facebook, “Bħalissa hawn ħafna tfal bil-ġidri r-riħ (chickenpox).”
Fi blog riċenti tiegħu hu jispjega li l-ġidri r-riħ hija infezzjoni virali komuni fit-tfal li tinxtered faċilment permezz tal-arja jew kuntatt ma’ persuni u oġġetti infettati.
Għalkemm ħafna drabi tkun marda ħafifa, f’ċerti każi tista’ twassal għal kumplikazzjonijiet serji bħal infezzjoni fil-pulmun, fil-ġilda jew fil-moħħ, u tista’ tkun perikoluża waqt it-tqala.
Is-sintomi jinkludu raxx bil-ponot u bżieżaq li jinfirxu mal-ġisem, deni, ħedla, nuqqas ta’ aptit u uġigħ ta’ ras.
Il-kura tinkludi mistrieħ, paracetamol, mediċini kontra l-ħakk u kura tal-ġilda, filwaqt li għandhom jiġu evitati l-ħakk u l-ibuprofen.
It-tabib għandu jiġi kkuntattjat jekk is-sintomi jmorru għall-agħar jew jidhru sinjali ta’ komplikazzjonijiet.
Dr. Mizzi jisħaq ukoll li l-aħjar prevenzjoni hija t-tilqima kontra l-ġidri, filwaqt li tfal infettati għandhom jibqgħu d-dar sakemm jinxfu l-ponot kollha biex ma jxerrdux il-marda.
Facebook/ Joseph Mizzi