“Biex Nagħmluha Ċara – Sit Ta’ Inċident Mhux Xi Żona Tad-Divertiment Tiegħek.” – It-Tabib Tal-Emerġenza Michael Spiteri

Dr. Michael Spiteri, it-tabib tal-emerġenza, jaqsam il-ħsibijiet tiegħu minħabba tfixkil li qed jiltaqgħu miegħu waqt li jkunu qed jassistu għal xi emerġenza li tkun inqalgħet fit-triq.  

Hu jibda billi jgħid, “Biex nagħmluha ċara – sit ta’ inċident mhux xi żona tad-divertiment tiegħek. F’dawn l-aħħar xhur, qed naraw wisq nies li jidħlu wara t-tape go żona t’incident bħallikieku l-post hu tagħhom. Qed iġibu ruħhom bħallikieku qed jidħlu fis-salott tagħhom – jieħdu r-ritratti, iħarsu, jew jippruvaw jidhru importanti.”

It-tabib Spiteri jagħmilha ċara, “Imma filwaqt li intom qed ittelfuna, aħna nkunu qed niġġieldu biex inżommu lil xi ħadd ħaj. Għandna sekondi, mhux minuti. Mhux qed nagħmluha għall-gost, iżda għax dak d-dmir tagħna.”





Hu jkompli jispjega billi jaqsam ħames punti importanti, “Allura, qabel ma taġixxi b’mod irresponsabbli, staqsi lilek innifsek:

  1. Inti dak li qed jitlef id-demm? Le? Allura ersaq minn nofs u toħloqx iktar problemi ma dawk li diġà għandna. Kull sekonda li naħlu mieghek, hi sekonda nieqsa mill-pazjent li qed imut quddiemna.Tkunx egoist.
  2. Trid li xi darba nneżżawk quddiem folla? Ma naħsibx. Allura irrispetta lil min jinsab hemm, u ħalli lilna nagħmlu xogħolna. Irrispetta d-dinjita tal-pazjent.
  3. Taħseb li inċidenti u d-demm huma ‘cool’? Se jiddispjaċik. Dak li tara jista’ jħallilek marka psikoloġika għal ħajtek kollha.
  4. Is-sit ta’ inċident huwa perikoluż u jista’ jkun ukoll sit forensiku. Int mhux biss qed tagħmel il-ħsara – imma qed tfixkel ix-xogħol u qed tqiegħed lilek innifsek f’riskju.
  5. Tape tas-sigurtà = TIDĦOLX. Mhix suġġeriment. Jekk qed tiġi taqa’ u tqum u tgħaddi jfisser li jew għandek problema biex tara, jew int persuna bla sens ċiviku.”

Dr. Michael Spiteri jgħid, “U fl-aħħar nett: Taħseb li taf tagħmel aħjar milli qed nagħmlu aħna? Tħabbel rasek xejn u ejja int. Aħna niġbru l-affarijiet tagħna, nitilqu, u nħalluk tlaħħaq mal-kaos: ma’ nies li qed imutu, ma’ demm, ma’ paniku – waqt li oħrajn bħalek jagħmlu minn kollox biex itellfu l-ħidma tiegħek.”

Hu jtemm jgħid, Aħna m’aħniex hemm għad-divertiment tiegħek. M’aħniex soap opera. Aħna hemmhekk biex insalvaw il-ħajjiet – u l-preżenza tiegħek tagħmilha ħafna iktar diffiċli. Allura, jekk m’intix pazjent jew parti mit-tim tar-rispons: Ibqa’ lura. Tersaqx. Kun responsabbli. M’aħniex vavi… m’hemmx għalfejn nagħmlu sitwazzjoni diffiċli iktar mħawda.”



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI