Ikomplu għaddejjin ix-xogħlijiet fiż-żona ta’ Għar Lapsi mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, wara l-ħsarat estensivi li ħalliet warajha l-maltempata Harry f’dan il-post tant popolari mal-Maltin, l-Għawdxin u t-turisti.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli żaret is-sit biex tara mill-qrib il-progress tax-xogħlijiet li qed isiru u tiltaqa’ mal-ħaddiema involuti f’dan l-intervent.
Bħalissa, il-ħaddiema għaddejjin b’ħidma intensiva sabiex l-inħawi jerġgħu jsiru aċċessibbli u siguri għall-pubbliku. Ix-xogħol qed jiffoka fuq l-evalwazzjoni tal-ħsarat li ġarrbet iż-żona kawża tal-maltemp qawwi, kif ukoll fuq l-identifikazzjoni tal-interventi meħtieġa biex l-aċċess jerġa’ jinfetaħ kemm jista’ jkun malajr.
Għar Lapsi huwa wieħed mill-aktar postijiet naturali popolari f’Malta, magħruf għall-baħar ċar kristall u l-pajsaġġ pittoresk tiegħu, u għalhekk qed isiru l-isforzi kollha meħtieġa biex dan il-post jerġa’ jkun jista’ jitgawda minn familji, għawwiema, sajjieda u viżitaturi oħra.
L-għan aħħari ta’ dawn ix-xogħlijiet huwa li l-inħawi jerġgħu lura għan-normalità, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà ta’ dawk kollha li jżuru dan il-post tant maħbub mill-pubbliku.