Ilbieraħ il-kantanta Amy Farrugia kitbet dwar memorja prezzjuża ta’ persuna speċjali fil-familja tagħha, in-nanna tagħha. Aktar kmieni din is-sena smajna l-istorja ta’ meta ħalliet din id-dinja nannitha. Ommha, Mancy Farrugia, kienet irrakkuntat kif kollox kien idur ma’ tracksuit vjola.
Waqt il-programm Illum ma’ Steph Mancy tirrakkonta kif ommha kienet għax-xogħol iżda qatt ma marret lura d-dar. Mancy ssemmi kif meta hi u ħuha baqgħu jistennew lil ommhom tasal, hi kienet liebsa tracksuit vjola li kienet lestitilha hi.
L-istess Tracksuit Vjola li tirreferi għaliha Amy fil-kanzunetta tagħha, miktuba minn Lon Kirkop.
Amy tikteb, “33 sena ilu, tlifna parti importanti mill-familja tagħna. Illum, nonora l-memorja tan-nanna permezz tal-istorja u l-emozzjonijiet inkorporati fil-kanzunetta oriġinali tiegħi. Il-lirika ġġorr il-vjaġġ reali tal-imħabba, it-telfa u t-tifkira. Għal dejjem f’qalbna.”
Insellmu l-memorja ta’ omm Mancy, in-nanna ta’ Amy. Kuraġġ.