Vanni Pule fi tmiem il-ġimgħa ċċelebra mument tassew speċjali fil-ħajja tiegħu u ta' martu Marianne, hekk kif is-Sibt iċċelebraw il-50 anniversarju taż-żwieġ tagħhom. F'post mimli emozzjoni fuq il-midja soċjali, Vanni ħares lura lejn il-vjaġġ twil li qasmu flimkien, u ddeskriva ħamsin sena ta' esperjenzi, sfidi u mumenti sbieħ li sawru r-relazzjoni tagħhom.
"50 sena ta' avventuri, tlugħ u nżul, nuqqas ta' qbil u ġranet li jibqgħu mnaqqxa fil-memorja, ħbiberija u mħabba mħallta ma' żbalji u mumenti mill-isbaħ," kiteb Vanni. Huwa fakkar ukoll fil-ħafna vjaġġi li għamlu flimkien matul is-snin, filwaqt li esprima l-kburija tiegħu għall-familja li bnew. Il-koppja għandha żewġt itfal, kif ukoll erba' neputijiet.
B'sens ta' gratitudni, Vanni rrimarka li hu u Marianne ilhom 50 sena miżżewġin u ħames snin oħra kienu ilhom jafu lil xulxin qabel iżżewġu. "Ninsabu tassew fortunati!" temm jgħid, b'messaġġ li jirrifletti kemm japprezza l-ħajja li bnew flimkien tul dawn il-ħafna snin.
Minn naħa tagħna, ningħaqdu mal-awguri lil Vanni u Marianne f'din l-okkażjoni mill-isbaħ, u nawgurawlhom ħafna aktar snin ta' saħħa, hena u mumenti sbieħ flimkien.
Facebook / Vanni Pule