Illejla fuq il-programm Il-Każin, immexxi minn Jon Mallia fuq Tokis, se tiġi diskussa b’mod miftuħ u onest ir-relazzjoni li għandna aħna l-Maltin mas-sess — suġġett li ħafna drabi jitqies bħala tabù fis-soċjetà tagħna.
Wieħed mill-mumenti li mistenni jiġbed l-attenzjoni hu l-intervent tal-kantanta lokali Andreana, li se tkun waħda mill-mistiedna fil-programm. Andreana, magħrufa kemm għall-karriera mużikali tagħha kif ukoll għall-personalità awtentika tagħha, tiftaħ qalbha dwar esperjenza personali fuq suġġett li ħafna jaħsbuha fuqu imma ftit jitkellmu dwaru.
F’diskussjoni bla tlaqliq, Andreana tistqarr li kienet waħda minn dawk li għażlet li tistenna sa wara ż-żwieġ biex tagħmel is-sess, għażla li kienet ibbażata fuq valuri, twemmin u forsi wieħed iżid aspettativi. Iżda llum, tħares lura b’lenti differenti, u tgħid ċar u tond li kieku kellha tagħżel mill-ġdid, ma kinitx tistenna.
Din id-dikjarazzjoni mistenniha tqanqal diskussjoni, mhux biss għax tiġi minn figura pubblika, imma wkoll għax tmiss suġġett delikat li jinvolvi valuri, esperjenzi personali u d-dinamika kulturali Maltija li ħafna drabi tgħaqqad is-sess mal-moralità aktar milli ma’ għażla personali.
Il-programm jipprometti li joffri spazju għal konversazzjoni matura, riflessiva u onesta dwar kif aħna bħala poplu naraw is-sess, u kif inħarsu lejh, u jekk kienx hemm xi bidla fl-aħħar snin lejn dan is-suġġett.