Sean Gravina, nafuh bħala kok li kellu x-xorti li anke jikkompeti f’MasterChef – The Professionals, rajnieh fuq diversi programmi u hu miżżewweġ lil Ira Losco li żgur m’għandha bżonn ta’ ebda introduzzjoni. Meta kien għadu żgħażugħ Sean kien ukoll jilgħab il-Waterpolo, tant li anke kien fit-tim nazzjonali.
Fuq Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida se jkun qed jitkellem dwar il-vjaġġ tiegħu mit-tfulija sal-lum il-ġurnata. Vjaġġ li kellu żmien turbulenti iżda kien fortunat li kellu l-isport li għenu jibqa’ fit-triq it-tajba. Hu jirringrazzja lil erba’ persuni partikolari li ċertament kienu fundamentali biex isib triqtu.
Hu jitkellem ukoll dwar il-karattru tiegħu, kif ukoll ir-relazzjoni tiegħu u ta’ Ira li kien hemm żmien li ħassew li kien ikun aktar għaqli għalihom li jtemmu r-relazzjoni tagħhom. Iżda kull koppja tgħaddi minn żmien xejn faċli u huma għarfu jissieltu flimkien.
F’dan il-podcast se ssiru tafu lil Sean Gravina aktar mill-viċin u se tiskopru kif tul is-snin għadda minn diversi esperjenzi li għamluh hu min hu llum. Ingħaqdu magħna biex isegwu l-episodju li jmiss ta’ Kellymni – Il-Podcast ta’ Gwida.mt bi preżentazzjoni ta’ Melanie Kelly, għada it-Tnejn 2 ta’ Ġunju, mit-20:00 ‘l quddiem.