“Vjaġġ ma’ xufier speċjali”, hekk iddeskriva s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia mument mimli nostalġija li qasam flimkien ma’ missieru waqt rikba fuq ix-xarabank.
B’filmat li qasam fuq il-midja soċjali, Omar irrakkonta kif dan il-vjaġġ fakkru fit-tfulija tiegħu u fil-memorji sbieħ marbuta mal-familja tiegħu, partikolarment ma’ missieru u n-nannu tiegħu li kien isuq ix-xarabank. Omar spjega li waqt ir-rikba mar fuq l-istess vjaġġ li dari kien jagħmel nannuh bix-xarabank, filwaqt li qal li meta kien għadu żgħir kien iħobb joqgħod biswit ix-xufier jew inkella fuq il-magna tax-xarabank.
Ovvjament, vjaġġ bħal dak iġib miegħu tant memorji u nostalġija. Huwa żied jgħid ukoll li x-xogħol tat-trasport pubbliku kien parti importanti mill-familja tiegħu, hekk kif mhux biss nannuh kien isuq tal-linja, iżda anke diversi zijiet tiegħu kienu jaħdmu f’dan il-qasam.
Il-mument qanqal ħafna emozzjoni fost dawk li segwewh, b’ħafna jfakkru wkoll il-memorji tagħhom stess marbuta max-xarabanks ta’ dari u mal-familjari tagħhom li kienu jaħdmu “tal-linja”.