Tħabbret il-mewt tal-attriċi Amerikana Hayden Panettiere, magħrufa l-aktar għall-partijiet tagħha fis-serje popolari Heroes u Nashville. Hi kellha 36 sena. L-aħbar ġiet ikkonfermata mill-familja tagħha permezz tal-midja Amerikana nhar il-Ħadd.
Panettiere kisbet fama internazzjonali permezz tal-karattru ta’ Claire Bennet, iċ-cheerleader bil-kapaċità li tfejjaq lilha nnifisha fis-serje Heroes. Aktar tard kompliet issaħħaħ il-karriera tagħha bil-parti ta’ Juliette Barnes f’Nashville, interpretazzjoni li wasslitha għal żewġ nominazzjonijiet għall-Golden Globe.
Il-karriera tagħha bdiet minn età żgħira ħafna, b’dehriet f’reklami televiżivi u soap operas, qabel ma għaddiet għal produzzjonijiet akbar kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fiċ-ċinema. Fost il-films li ħadet sehem fihom insibu Remember the Titans, Scream 4 u Scream VI.
F’dawn l-aħħar snin, Panettiere kienet tkellmet b’mod miftuħ dwar il-battalji personali tagħha mal-vizzju, id-dipressjoni u d-dipressjoni ta’ wara t-twelid. Hi kienet qasmet l-esperjenzi tagħha f’diversi intervisti kif ukoll fil-memoir tagħha This Is Me: A Reckoning, li ħareġ aktar kmieni din is-sena.
S’issa ma ngħatat l-ebda informazzjoni pubblika dwar il-kawża tal-mewt tagħha. Il-mewt ta’ Hayden tasal tliet snin wara dik ta’ ħuha ż-żgħir, l-attur Jansen Panettiere, li miet fl-2023 fl-età ta’ 28 sena. Fuq il-mezzi soċjali diġà bdew jaslu bosta messaġġi ta’ tislima mingħand ammiraturi u persuni li ħadmu magħha tul is-snin. Ħafna qed ifakkru lil Hayden Panettiere bħala waħda mill-uċuħ l-aktar magħrufa tat-televiżjoni Amerikan tas-snin 2000 u 2010.
Facebook / Hayden Panettiere