Ftit ilu ħarġet l-aħbar li għadha kif ħalliet din id-dinja fl-età ta' 88 sena, l-għalliema tal-mużika u s-soprana Maltija Antoinette Miggiani. Hi żgur li se tibqa' mfakkra bħala waħda mill-aqwa soprani li qatt ħarġu minn pajjiżna.
L-ewwel suċċess fil-karriera mużikali ta' Antoinette kien proprju fl-1958 meta hi wara snin titgħallem il-pjanu u tippratika l-vuċi tagħha f'art twelidha, ingħatat l-opportunità li tkompli ssaħħaħ l-għarfien tagħha f'Londra, fl-Akkademja Rjali tal-Mużika.
Is-suċċess tagħha barra minn xtutna kompla jikber meta fis-snin sittin kantat f'diversi pajjiżi Ewropej fosthom Franza, il-Ġermanja, kif ukoll l-Italja.
Madankollu, sfortunatament, il-karriera internazzjonali tagħha ġiet imxekkla fl-1970 meta saret taf li l-ġenituri tagħha kienu ma jifilħux u allura ħadet id-deċiżjoni li tiġi lura hawn Malta sabiex tieħu ħsiebhom.
Il-karriera mużikali ta' Antoinette ma waqfitx hemm xorta waħda, għaliex anke f'pajjiżna hi kompliet tibni fuq il-karriera mużikali tagħha.
Fost bosta li esprimew is-sogħba tagħhom għal din l-aħbar, kien hemm waħda mill-istudenti tagħha. Hi tirrakkonta kif Antoinette kienet ħaditha taħt idejha meta kellha 18-il sena u rat fiha potenzjal kbir.
L-istudenta, Connie Frances Zerafa, tistqarr li Antoinette kienet tgħallimha mhux biss ħiliet mużikali iżda wkoll kif għandha taġixxi bħala kantanta. Issemmi kif għal ħafna, Antoinette kienet ukoll figura ta' omm.
Strieħ fis-sliem, Antoinette!
Sors: Wikipedia
Facebook / Connie Frances Zerafa