Ċama Ċama li ttellgħet fi Spazju Kreattiv hija bla dubju waħda mill-aktar produzzjonijiet maturi u maħsuba li rajna dan l-aħħar fuq ix-xena teatrali Maltija.
Miktuba minn Gabriel Lia, din il-biċċa xogħol tieħdok fuq vjaġġ emozzjonali u riflessiv li jmiss diversi aspetti reali tas-soċjetà Maltija. Permezz ta’ storja studjata sal-aħħar dettall, il-produzzjoni tħares lejn setturi differenti fis-soċjetà tagħna b’mod intelliġenti, sensittiv u realistiku.
Il-kitba hija brillanti, b’djalogu rikk u naturali li jżommok attent mill-bidu sal-aħħar. Kull xena tidher maħsuba bir-reqqa, filwaqt li l-mod kif jiġu trattati ċerti temi jagħmel lill-udjenza taħseb u tirrifletti fuq ir-realtajiet li ngħixu fihom kuljum.
Tajjeb li ngħidu li l-kast għamel biċċa xogħol mill-aqwa, b’wirjiet mill-aktar konvinċenti minn Peter Galea, Alexia Micallef, Abigail Borg, Emmanuel Cassar u Chris Camilleri, li kollha taw prestazzjonijiet b’saħħithom u emozzjonanti. Kull karattru għandu l-individwalità tiegħu li tifhem il-mentalità wara l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu.
Id-direzzjoni ta’ Lee-N Abela kienet ukoll element kruċjali għas-suċċess tal-produzzjoni, filwaqt li l-iskript kien immexxi taħt il-mentorship ta’ Immanuel Mifsud. Id-disinn tas-sett minn Romualdo Moretti kompla jagħti dimensjoni viżiva mill-isbaħ lill-esperjenza teatrali.
Żgur li hija produzzjoni li ta’ min jaraha u li ħadd m’għandu jitlifha. Fittxu aqtgħu l-biljetti tagħkom minn HAWN. Il-produzzjoni tibqa’ għaddejja sa tmiem il-ġimgħa.