Il-film Castillo, prodott ta' Take//Two, ġie uffiċjalment magħżul għall-kompetizzjoni prinċipali tal-Annaba Mediterranean Film Festival li qed isir f’Annaba, fl-Alġerija. Din mhijiex l-ewwel darba li l-produzzjoni qiegħda tiġbor rikonoxximent internazzjonali, peress li s-sena li għaddiet kienet ukoll is-selezzjoni uffiċjali ta’ Malta għall-Premji tal-Akkademja (Oscars).
Castillo isegwi l-istorja ta’ Amanda, li wara l-mewt ta’ missierha terġa’ tingħaqad ma’ ommha. F’dan ir-riunjoni, ommha tgħidilha li kienet qatlet żewġ irġiel bħala vendetta għall-assassinju ta’ oħtha K. Penza fl-1986. Hekk kif Amanda tiskopri l-istorja mudlama tal-familja tagħha, issib ruħha taffaċċja l-konsegwenzi ta’ ġrajjiet tal-passat li għadhom qed jiffurmaw il-preżent tagħha.
Il-film kellu l-ewwel wirja tiegħu nhar il-Ħamis, u ġie milqugħ b’entużjażmu mill-udjenzi preżenti.

Fil-festival, Castillo qed jiġi rrappreżentat minn:
- Carlos DeBattista, Produttur u Kittieb
- Simone Spiteri, Attriċi
- Analise Mifsud, Attriċi u Kompożitriċi
Il-produzzjoni kienet possibbli grazzi għall-appoġġ u l-fondi tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (Malta), Arts Council Malta, Festivals Malta, u Creative Malta.

Il-Festival Mediterranju tal-Films ta’ Annaba, imwaqqaf fl-2015, jiġbor flimkien ċinematografi minn madwar il-Mediterran u lil hinn, biex flimkien jiċċelebraw il-kultura tal-films u jappoġġjaw talent ġdid u emerġenti.