100 Sena Mit-Twelid Ta’ Ġorġ Agius ‘L-Għannej Tal-Mulej’ – Il-Bniedem Li Ddedika Ħajtu Biex Ixerred It-Tbissima

Kieku għadu magħna, illum 28 ta' Lulju, Ġorġ Agius kien jagħlaq 100 sena. Magħruf minn ħafna bħala "Ġorġ tal-Mużew" jew "L-Għannej tal-Mulej", huwa baqa' mfakkar bħala wieħed mill-akbar eżempji ta' volontarjat u mħabba lejn il-proxxmu f'Malta.

Ġorġ Agius twieled fit-28 ta' Lulju 1926 fil-Birgu, iben Pawlu u Marija Agius, u kien it-tieni minn disa' aħwa. Matul ħajtu ddedika ruħu biex iżur il-morda fl-isptarijiet u lill-anzjani fid-djar residenzjali madwar Malta, fejn kien iwassal messaġġ ta' tama, kant u ferħ lil dawk li kienu għaddejjin minn mumenti diffiċli.

Il-ħidma volontarja tiegħu ħalliet marka profonda fuq eluf ta' persuni. Kien magħruf għall-umiltà tiegħu u għall-ħin li kien jiddedika mingħajr ma jfittex rikonoxximent, iżda xorta waħda l-kontribut tiegħu ma għaddiex inosservat. Fl-2016 ingħata l-Premju Nazzareno Vassallo, taħt il-patroċinju tal-President ta' Malta ta' dak iż-żmien, Marie Louise Coleiro Preca, bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu favur il-komunità.

Sentejn wara, fl-2018, il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju tah l-ewwel Premju Speċjali mogħti lil individwu għall-ħidma volontarja tiegħu fi ħdan il-komunità, unur li kompla jixhed il-valur tas-servizz li ta tul ħajtu. Ġorġ Agius ħalla din id-dinja fl-1 ta' Marzu 2021 fl-età ta' 94 sena. Madankollu, il-wirt tiegħu għadu jgħix fil-qlub ta' dawk kollha li kellhom ix-xorti jiltaqgħu miegħu jew li gawdew mill-ġenerożità u l-ispirtu ferrieħi tiegħu.

F'din il-ġurnata li kienet timmarka l-100 sena mit-twelid tiegħu, ħafna se jfakkru lil Ġorġ Agius mhux biss bħala volontier straordinarju, iżda bħala bniedem li għex ħajtu jxerred it-tama, il-fidi u t-tbissima kull fejn mar.

Ritratti:

Facebook / The People of Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI