Cliff Zammit Stevens – It-Tenur Li Waqqaf Il-Fondazzjoni Marcy B’Dedika Għall-Mamà Tiegħu

It-tenur magħruf Cliff Zammit Stevens irnexxilu jbiddel esperjenza negattiva f'waħda pożittiva billi waqqaf il-Fondazzjoni Marcy. Fondazzjoni ddedikata għall-mamá tiegħu, li kienet vittma ta’ vjolenza domestika u li ħallietna f’Novembru tal-2017. Cliff jgħid li l-mamà tiegħu tfisser kollox għalih u ħass li ried jagħmel xi ħaġa li mhux biss jonora l-memorja tagħha imma li biha jgħin lil ħaddieħor. Wara s-suċċess tal-interpretazzjoni tal-kanzunetta XEMX flimkien ma' Ira Losco.

Cliff, ftit ġranet ilu waqqaft fondazzjoni ġdida, Fondazzjoni Marcy. X'wasslek biex twaqqaf din il-fondazzjoni?

Qiegħdin ngħixu f'dinja fejn kulħadd jipprova jkun l-aħjar, jaħdem l-aktar u jżomm b'saħħtu. Li nwaqqaf din il-fondazzjoni inkredibbli, li nispera li tagħmel differenza fis-soċjetà tagħna, kienet l-akbar sfida tiegħi. Jien uman, li bħal ħafna vittmi oħrajn, għaddejt minn ħafna esperjenzi diffiċli, u kienu proprju dawk l-esperjenzi li wassluni għall-persuna li jien illum. Nispera li din il-fondazzjoni tispira lil kull min għaddej minn sitwazzjonijiet simili biex ikissru s-silenzju u jfittxu l-għajnuna meħtieġa.

X'inhu l-għan prinċipali tal-Fondazzjoni Marcy?

L-għan tal-Fondazzjoni Marcy hu li tkompli tqajjem kuxjenza dwar ħames pilastri prinċipali li huma l-vjolenza domestika, l-abbuż tad-droga, is-saħħa mentali, l-HIV u l-abbuż fuq it-tfal u se tkun qed tniedi pilastru minnhom fis-sena fil-ħames snin li ġejjin. Il-fondazzjoni hi bbażata fuq il-valuri tal-onestà u tjubija u se tkun qed twassal il-messaġġ b'mod l-aktar miftuħ, kif wara kollox kienet il-mamà tiegħi – persuna onestà, twajba u moħħha miftuħ. Għalissa din l-Fondazzjoni qed tiffunzjona permezz ta' sit elettroniku li tipprovdi tagħrif u fatti.

Liema punti speċifiċi tħoss li l-aktar jeħtieġ li nqajmu aktar kuxjenza dwarhom?

Kollha għandhom l-istess importanza u sensittività. Huma kollha kwistjonijiet li jew għaddejt minnhom jien stess jew li nies qrib tiegħi għaddejjin minnhom allura naf sew l-istigma u mistħija li wieħed iġorr b’konsegwenza ta' dan.

Waqt l-avveniment tat-twaqqif ta' din il-fondazzjoni, saret ukoll it-tnedija ta' kanzunetta ġdida, verżjoni ta' XEMX interpretata minnek flimkien ma' Ira Losco. Id-dħul kollu minnha se jmur għall-fondazzjoni Marcy. Għaliex għażilt proprju XEMX?

XEMX kienet waħda mill-kanzunetti favuriti tal-mamà u allura ħassejt li kienet adattata biex niddedikaha għaliha. Il-lirika hi b'saħħitha ħafna u titrasmetti pożittivitá u kuraġġ, li jagħmlu din il-kanzunetta l-għażla perfetta biex ġiet iddedikata wkoll għall-Fondazzjoni Marcy. Jien, flimkien ma' Ira u Howard (il-maniġer ta' Ira) qattajna sigħat twal fl-istudjow naħdmu fuq din il-verżjoni ġdida u ninsab immeraviljat bir-reazzjoni pożittiva tal-pubbliku, kemm għall-kanzunetta u anki għall-vidjow.

Tħoss li jeħtieġ li aktar artisti jużaw it-talent tagħhom biex iqajmu kuxjenza dwar ċerti oqsma li għadhom meqjusa bħala tabú?

Jien inħoss li kulħadd għandu juża l-vuċi tiegħu biex iwassal il-messaġġ. Meta niġu għall-artisti imbagħad, ikun hemm dak il-vantaġġ li jkollok ammont akbar ta' nies li jsegwuk u allura jkollok l-opportunità li tilħaq aktar nies. Fil-każ tiegħi ridt li nonora lill-mamà billi nwaqqaf fondazzjoni li tgħin oħrajn u tqajjem kuxjenza. L-aħbar tat-tnedija nfirxet ma' ħafna u nista' ngħid li hi esperjenza sabiħa mmens li tara dak li tkun xtaqt jirnexxi.

Kemm hu importanti li bħala individwi nkunu konxji ta' kemm hawn persuni li ħafna drabi jkunu wkoll viċin tagħna, li d-dehra ta' barra tkun ferm differenti minn dak li jkunu verament għaddejjin minnu fis-silenzu?

Din hi parti mill-akbar missjoni li trid twettaq il-Fondazzjoni Marcy. Meta nirrakkuntaw l-istorja tagħna, ħafna drabi niffukaw fuq il-pożittiv, is-suċċessi u nagħtu dehra ta' ħajja mimlija kuntentizza u kompluta. Min-naħa l-oħra, naħbu l-battalji li nkunu għaddejjin minnhom internament u fis-silenzju. Ħafna drabi noqgħodu lura milli ninfetħu dwarhom minħabba mistħija jew biża' għal x'se jaħsbu n-nies. Il-verità hi li kollha kemm aħna ngħaddu minnhom, kemm direttament u kif ukoll indirettament.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk li għaddejjin minn vjolenza domestika jew xi tip ta' abbuż ieħor u għadhom ma sabux il-kuraġġ biex ifittxu l-għajnuna?

Il-messaġġ tiegħi hu li intom biss tkunu tafu meta tkunu lesti biex tfittxu l-għajnuna. Il-mamà damet aktar minn 20 sena. Sfortunatament hi sitwazzjoni delikata ħafna, u intensiva ħafna aktar milli wieħed jaħseb. L-abbuż u l-manipulazzjoni jiġu psikoloġikament ukoll u hemm fejn titfaċċa l-akbar battalja. Ftakru li s-saħħa biex tikkumbattu l-battalja qiegħda x'imkien ġewwa fikom, intom uniċi u ħadd ma jistħoqqlu li jgħaddi minn dak li qed tgħaddu minnu. L-għajnuna qiegħda DEJJEM hemm, l-entitajiet kollha dejjem lesti biex jipprovdu l-għajnuna kollha li għandkom bżonn.

Minkejja li ma kellekx ħajja faċli, anzi pjuttost kienet mimlija b'esperjenzi ferm qarsa xorta waħda tibqa’ tisħaq li l-ħajja hija sabiħa u rnexxilek ukoll tibni karriera ta' suċċess. Kif irnexxilek iżżomm daqstant pożittivita' u determinazzjoni minkejja kollox?

Fejn hemm il-ħajja hemm it-tama’. Nipprova dejjem ngħix b'din f'moħħi. Minkejja li għaddejt minn ħafna sfidi diffiċli fil-ħajja tiegħi, m'għandix dispjaċiri u nħossni ferm kburi bil-persuna li jien illum. Permezz tal-fondazzjoni rnexxili nbiddel esperjenza negattiva f'waħda pożittiva għaliex mhux biss onorajt il-memorja tal-mamá imma se tkun qed tgħin lil dawk fil-bżonn.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

@czammitstevens / Instagram

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI