“Id-dar mhix lukanda. Il-familja tfisser li kulħadd jagħti sehmu.” Din kienet il-frażi li qasam Nicholas Briffa f’messaġġ dwar l-importanza li t-tfal jitgħallmu r-responsabbiltà minn età żgħira.
Briffa saħaq li l-problema mhijiex biss li tifel jew tifla ma jaħslux platt jew ma jgħinux fid-dar, iżda l-attitudni li tista’ tinħoloq meta wieħed jidra li dejjem ikun hemm ħaddieħor jagħmel kollox minfloku.
Skont hu, il-familja hija l-ewwel post fejn wieħed jitgħallem il-valuri tal-ħajja. Affarijiet sempliċi bħat-tindif, it-tiwi tal-ħwejjeġ jew li wieħed jieħu ħsieb l-ispazju tiegħu jistgħu jgħinu biex jinbena karattru bbażat fuq ir-rispett u r-responsabbiltà.
Huwa qal ukoll li għalkemm it-trobbija ta’ tfal responsabbli mhijiex faċli, huwa importanti li l-ġenituri ma jaqtgħux qalbhom u ma jagħmlux kollox huma biex jevitaw il-problemi.
“Missierek u ommok mhumiex il-qaddejja tiegħek u d-dar tiegħek mhix lukanda,” kiteb Briffa, filwaqt li fakkar li kull membru tal-familja għandu rwol u għandu jagħti sehmu.
Fl-aħħar mill-aħħar, huma proprju dawk il-ġesti żgħar ta’ kuljum li jgħallmu lit-tfal ikunu adulti aktar indipendenti, empatiċi u konxji mill-valur ta’ dak li għandhom.
Facebook/Nicholas Briffa