Aħbar eċitanti li ilha mistennija minn bosta segwaċi tal-programm Karamellu tar-Raħal t’Isfel waslet finalment. Wara numru kbir ta’ talbiet, messaġġi ta’ appoġġ u inkoraġġiment mingħand il-pubbliku, dalwaqt se jitnieda uffiċjalment il-kanal ta’ Karamellu tar-Raħal t’Isfel fuq YouTube.
Permezz ta’ din il-pjattaforma l-ġdida, it-telespettaturi se jkollhom l-opportunità jsegwu episodji sħaħ tal-istejjer animati f’kull ħin u minn kull post. Is-sensiela, li kisbet popolarità kbira fost tfal u adulti, tkompli toffri taħlita ta’ umoriżmu, tagħlim, nostalġija u tifkiriet mill-ħajja Maltija tas-snin ħamsin.
It-tnedija tal-kanal hija pass importanti biex dawn l-avventuri jsiru aktar aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li tkompli tissaħħaħ il-konnessjoni bejn il-karattru maħbub u l-udjenza tiegħu.
Sadanittant, it-tieni sensiela animata ta’ Karamellu tar-Raħal t’Isfel għadha qed tixxandar fuq ONE TV, b’episodju ġdid kull nhar ta’ Tnejn fl-4:45pm, flimkien ma’ diversi ripetizzjonijiet matul il-ġimgħa fosthom: l-Erbgħa – 7:20 am, il-Ġimgħa – 4:45 pm, is-Sibt – 8:50 am u l-Ħadd – 11:20 am.

Aktar informazzjoni dwar it-tnedija tal-kanal fuq YouTube se titħabbar fil-jiem li ġejjin. Is-segwaċi huma mħeġġa jibqgħu attenti għall-aġġornamenti sabiex ma jitilfu l-ebda sorpriża ġdida minn Karamellu u l-avventuri tiegħu.

Facebook/Karamellu tar-Raħal t’Isfel