Janet Zahra Walker hi mara Maltija bl-MS u kontinwament tappella għal iżjed għarfien dwar din il-kundizzjoni. Illum kitbet messaġġ biex twissi lil kull min għandu l-MS u ma jixtieqx jieħu trattamenti.
Hi qalet, “Ma kellix dijanjosi mill-ewwel. Tletin sena tard. U onestament? Irrabjata dwar dan. Irrabjata li ma hadunix bisserjeta iżjed kmieni. Irrabjata li l-ħsara kienet diġa saret. Imma fl-istess ħin… jien grata li għallinqas issa, xi ħaġa qed issir biex il-ħsara sseħħ iżjed bil-mod. Allura dan il-messaġġ huwa għal min għandu l-MS u qed jirrifjuta l-mediċina u t-trattamenti. Tistennewx sakemm ikun tard wisq! Naf li l-mediċina tista’ tkun tal-biża’, naf li l-effetti tagħha huma reali. Imma anke dak li qed jiġri f’ġismek, avolja ma tistax tħossu kollu għalissa. Emmuni, se taslu f-punt fejn il-mixi jkun biss memorja. Fejn biex tlibbes lilek innifsek tħossok qisek qed titla’ muntanja. Fejn l-għajnuna tiġi bżonn, mhux għażla.”
Żiedet tgħid, “Qed ngħid dan għax jimpurtani. Mhux biex titħassruni imma biex ħaddieħor ma jgħaddix minn dak li qed ngħaddi minnu jien issa. Bħalissa l-MS tiegħek huwa silenzjuż imma s-silenzju ma jfissirx li mhux qed jaħdem kontrik. Iġġieled kontrih, ħu t-trattament. Isma’ lil ġismek. Jista’ jsalvalek il-mobilità u d-dinjità tiegħek xi darba.”
Facebook / Janet Zahra Walker