Daniel Attard Se Jmexxi Proposta Ewropea Biex Il-Passiġġieri Jkollhom Aktar Għażla U Trasparenza

Il-vjaġġaturi Ewropej jistgħu fil-futur ikollhom aktar ċarezza meta jkunu qed ifittxu u jixtru l-biljetti tal-ivvjaġġar tagħhom online, hekk kif l-Ewroparlamentari Malti, Daniel Attard, inħatar rapporteur għal proposta ġdida tal-Unjoni Ewropea.

Il-proposta, li tagħmel parti mill-pakkett dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, għandha l-għan li tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jqabblu l-għażliet tagħhom fuq pjattaformi diġitali bħal Skyscanner, eDreams, Trainline u Omio.

Attard se jkun responsabbli milli jfassal il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u jmexxi n-negozjati mal-gvernijiet tal-Istati Membri. Wieħed mill-għanijiet ewlenin huwa li l-passiġġieri jkunu jafu eżattament x’qed jixtru: kemm hu l-prezz sħiħ, x’kundizzjonijiet japplikaw u għaliex ċerti għażliet jidhru qabel oħrajn. Il-pjattaformi jkollhom ukoll jindikaw għażliet li jkunu promossi bi ħlas.

Il-bidliet jistgħu jgħinu wkoll lill-vjaġġaturi jsibu kombinazzjonijiet bejn mezzi differenti ta’ trasport, filwaqt li jqabblu l-prezz, it-tul u l-aċċessibbiltà tal-vjaġġ. Għal Malta u Għawdex, fejn il-konnessjonijiet bl-ajru u bil-baħar huma essenzjali, dawn ir-regoli jistgħu jkunu partikolarment importanti.

L-għan finali huwa wieħed ċar: aktar trasparenza, kompetizzjoni u għażla, sabiex il-passiġġieri madwar l-Ewropa jiksbu aktar valur għal flushom.

Ritratt:

Facebook/ONE.com.mt

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI