Bħala parti mill-proġett klassiċi, Teatru Malta se jkun qed jippreżenta waħda mill-kummiedji l-kbar tal-kittieb Franko-Rumen Eugène Ionesco. Rinoċeronti hija biċċa xogħol ta’ teatru assurd li tirridikola sistema soċjali li twassal biex in-nies jispiċċaw kollha l-istess.
Wara li ħa gost jaqra t-traduzzjoni friska maltija, Simon Bartolo ltaqa’ ma’ Daniel Azzopardi li se jinterpreta’ l-karattru ewlieni, Berenger. Lil Daniel niftakruh f’bosta drammi kif ukoll f’sensiliet televiżivi bħal Deċeduti, Klikka u Strada Stretta. Attwalment huwa jinterpreta l-parti ta’ Tonin fis-serje L-Għarusa.
Daniel, għidilna ftit dwarek u kif bdiet il-karriera tiegħek bħala attur?
Jien essenzjalment persuna li minn età żgħira ħafna sibt fit-teatru pjattaforma fejn nista’ nesprimi ruħi u nagħti vent għall-immaġnazzjoni tiegħi. Niftakarni nqatta’ sigħat sħaħ naqra kotba dwar is-suġġett u nsegwi atturi li kelli ammirazzjoni lejhom.
Eventwalment tħarriġt l-Ingilterra u pparteċipajt f’numru ta’ proġetti fl-Ewropa fejn komplejt nirfina l-abiltajiet tiegħi. Il-fatt li naħdem professjonalment fis-settur għen ukoll biex inkun aktar attiv fil-qasam kreattiv u nkompli nkabbar l-għarfien tiegħi.
X’ġibdek lejn id-dramm Rinoċeronti?
Mingħajr dubju, il-fatt li ġejt offrut li nkun parti minn din il-kummiedja tant importanti fl-istorja tat-teatru modern u li ninterpreta karattru daqstant kumpless bħal dak ta’ Bérenger hija opportunità unika. Fil-fatt l-iskritt li jikkonsisiti f’erba’ xeni jitlob intensità kbira b’emozzjonijiet u fiżiċità varjati għall-aħħar b’epilogu li jħalli ħafna x’wieħed jomgħod.
Mill-karattri kollha li għamilt s’issa, liema kien l-iżjed wieħed diffiċli?
Tul is-snin kelli l-fortuna li niġi offrut numru ta’ karattri impenjattivi però wieħed mill-aktar iebsin kien mingħajr dubju Hamlet fil-produzzjoni Please, Continue Hamlet ta’ Cie Yan Duyvendak bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta fl-2016. Kif jixhed l-isem din kienet reinterpretazzjoni tax-xogħol oriġinali mibnija madwar waħda mix-xeni ewlenin fejn l-protagonist joqtol lil Polonius, l-emissarju tar-re.
Bħala atturi konna mitluba ninterpretaw il-karattru waqt kawża l-qorti b’avukati, mħallef u rapporti forensiċi veri filwaqt li jien, bħala prim akkużat tal-qtil, kelli ngħaddi wkoll mill-proċess ta’ sessjoni ta’ psikonalażi minn esperta. Għaldaqstant barra li għaddejna mill-proċess li nistudjaw il-karattru kellna wkoll inkunu komdi nimprovizzaw u nagħrfu l-proċess legali.
Din hija kummiedja li nkitbet 60 sena ilu. Kif taħseb li t-twissija dwar il-periklu li qed insiru wisq kollha bħal xulxin jgħodd illum, fl-era tal-internet u l-midja soċjali?
Minkejja li nkitbet daqstant żmien ilu, il-fatt li għadha tittella’ regolarment fl-aqwa teatri tad-dinja turi biċ-ċar l-attwalità tat-temi li fiha. F’dinja fejn il-populiżmu u l-ħtieġa tal-poteri varji li jikkonformaw popli b’ideoloġiji u interessi tagħhom tagħmel din il-produzzjoni tassew relevanti. Barra minn hekk il-mod kif inhi miktuba bl-elementi komiċi u assurdi tagħha tagħmel din l-esperjenza teatrali divertenti ferm.
Id-dramm oriġinali inkiteb bil-Franċiż, xi tħoss dwar din it-traduzzjoni u adattament bil-Malti li għamlu Clare Azzopardi u Albert Gatt?
Nemmen li traduzzjoni tkun tajba meta l-prodott finali jagħti dimensjoni b’saħħitha tax-xogħol letterarju mhux biss permezz tal-użu tajjeb tal-lingwa imma anki fid-dinamika li tingħata fil-kuntest, is-sitwazzjoni u l-karattri mnebbħa mill-kittieb.
Naħseb dan huwa l-każ bit-traduzzjoni għal Malti ta’ din il-kummiedja, b’kontribut qawwi mhux biss mit-traduturri imma anki mid-direttur u l-kast li għamlu mezz li jżommu l-iskritt attwali u relevanti għal żmienna.
Nitkellmu ftit dwar il-karattru li se tinterpreta, Berenger. Huwa raġel b’xagħru mħabbel, żmattat, mifxul, diżorganizzat u xurban. X’għandu differenti mill-karattri l-oħra f’Rinoċeronti? Għalfejn huwa l-protagonist?
It-traġitt tal-karattru ewlieni f’dan id-dramm huwa interessanti ħafna għax kuntrarju għal protagonisti oħra huwa mpinġi bħala bniedem patetiku, diżilluż mill-ħajja li tagħtu ftit li xejn sodisfazzjonijiet, u li jsib fil-vizzju tal-alkoħol l-unika konsolazzjoni.
Huwa persuna bl-inqas kredenzjali li qatt jista’ jkun eroj u fil-fatt hija hawnhekk li toħroġ il-ġenjalità ta’ Ionesco li permezz ta’ persunaġġ ta’ dan it-tip, bl-apatija għal eżistenza tiegħu u dawk ta’ madwaru, jirnexxilu joħroġ narrattiva daqstant intriganti. Qafas li bl-assurdità tas-sitwazzjonijiet u r-relazzjonijiet rappreżentati joħroġ b’mod daqstant distint it-traġedja tal-bniedem u l-umanità - dik li tkun tassew relevanti.
Nara kuntrast qawwi bejn Berenger u Daniel li dejjem nafuh pulit u organizzat. Kif affettwak dan il-fatt f’xogħlok bħala attur u possibilment f’ħajtek? Taqbel li Daniel u Berenger huma opposti jew jista’ jkun li fil-fatt hemm xi daqsxejn mill-karattru ta’ Berenger fik ukoll?
Naqbel miegħek li jien u Berenger aħna opposti u nasal ngħid li hemm aspetti fih li assolutament ma naqbilx magħhom u jurtawni però huwa f’dan il-fatt li nsib ċertu faxxinu li nistudja l-karattru u ngħixu b’mod totali f’dawn ix-xhur. Essenzjalment hemm ukoll elementi fih bħas-solitudni u l-biża’ għall-ħajja li għandhom reżonanza ma’ ħafna u li ninsab ċert li ser iħallu impatt qawwi fuq l-udjenzi li ser jarawna.
Il-Produzzjoni għandha direzzjoni minn Michael Fenech, b'traduzzjoni ta Clare Azzopardi u Albert Gatt. Il-produzzjoni tista’ tiftaħar ukoll b’atturi lokali oħrajn popolari: Andre Mangion, Antonella Axisa, Kim Dalli, Naomi Knight, Magda von Kuilenberg, Michael Mangion, Joe Depasquale, Anthony Ellul, Simon Curmi, Aaron Fenech u Daniela Carabott Pawley.
Rinoceronti jittella’ mit-12 sal-15 ta’ Settembru fiċ-ċentru Esplora. Għall-biljetti u iktar tagħrif żur kultura.mt jew ċempel 2122 0255.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.