Davinia Hamilton Tingħata L-‘Booker Prize Foundation Scholarship’ – Pass Ieħor Kbir Għall- Kitba Maltija Fuq Livell Internazzjonali

Il-kittieba u l-artista Maltija Davinia Hamilton kisbet suċċess importanti fuq livell internazzjonali wara li ngħatat il-Booker Prize Foundation Scholarship, opportunità prestiġjuża li se tippermettilha tkompli l-istudji tagħha bMA fil-Kitba Kreattiva fl-Università rinomata ta’ East Anglia (UEA) fir-Renju Unit.

Kull sena, il-Booker Prize Foundation tagħżel kittieb jew kittieba waħda b’potenzjal eċċezzjonali biex tingħaqad mal-kors ta’ ‘Prose Writing’ tal-UEA – programm li tul is-snin ifforma wħud mill-aktar ismijiet popolari fil-letteratura kontemporanja, fosthom ir-rebbieħ tal-Premju Nobel Kazuo Ishiguro, ir-rebbieħa tal-Booker Prize Anne Enright u l-awtur magħruf Ian McEwan.

“Inħossni onorata immens li rċevejt il-Booker Prize Foundation Scholarship,”tistqarr Davinia. “Din l-opportunità tagħtini l-ispazju biex inkompli niżviluppa l-kitba tiegħi, li dejjem tipprova tqiegħed l-istejjer Maltin f’kuntest letterarju usa’,” iżżid tgħid. Dan kollu hi diġà qed tagħmlu b’suċċess. Id-dramm Blanket Ban, miktub flimkien ma’ Marta Vella, ittella’ kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna u rebaħ diversi premji, fosthom l-Edinburgh Untapped Award u s-Social Cause Award fil-Premju Għall-Arti.

Ix-xogħol letterarju tagħha jinkludi wkoll il-ktieb ta’ poeżija: ‘i cannot speak it but it comes’, ippubblikat minn EDE Books, filwaqt li kitbietha dehret f’diversi pubblikazzjonijiet kemm diġitali kif ukoll stampati. Riċentament, Davinia kitbet ukoll monologu għall-produzzjoni Her Say III, taħt id-direzzjoni ta’ Charlotte Grech, li se tittella’ fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, bejn is-6 u t-8 ta’ Marzu.

Il-Booker Prize, imwaqqaf fl-1969, jibqa’ wieħed mill-aktar premji letterarji prestiġjużi fid-dinja. Li tintgħażel minn membri tad-Dipartiment tal-Kitba Kreattiva tal-UEA flimkien mal-Booker Prize Foundation huwa kisba sinifikanti ħafna.







Ritratti:

Instagram/ Davinia Hamilton

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI