Għaddew tliet snin minn meta l-familja u dawk kollha li kienu jafuh, sellmu l-memorja ta' Philip Alamango, wieħed mill-fundaturi ta’ Alamango Bridal, Textiles, Designs and Tailoring. Minkejja dan, il-memorja tiegħu għadha ħajja u tinħass f’kull rokna tal-ħanut.
Permezz ta’ messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, il-familja u t-tim ta’ Alamango fakkru lil Philip u l-wirt li ħalla warajh. Huma qalu, li l-viżjoni, il-passjoni u d-dedikazzjoni tiegħu bnew ħafna aktar minn sempliċi negozju, iżda ħolqu wirt li għadu jispirahom kuljum.
Il-valuri li kien jemmen fihom, l-attenzjoni li kien jagħti lil kull klijent u l-istandards għoljin li kien dejjem jinsisti fuqhom għadhom fil-qalba ta’ dak kollu li jagħmlu llum.
“Dejjem f'qalbna. Dejjem parti mill-istorja tagħna” kitbu, hekk kif enfasizzaw li Philip jibqa’ parti integrali mill-istorja tal-familja, tat-tim u ta' ħafna klijenti li matul is-snin messu l-ħolma li bena.
Tliet snin wara, il-memorja tiegħu tibqa’ tfakkira ta’ bniedem li ħalla warajh mhux biss negozju, iżda legat li jkompli jgħix.
Facebook/Nikita Alamango