James Aaron Ellul u martu għaddew minn mument ieħor sabiħ u speċjali, hekk kif laqgħu fosthom tarbija oħra, li ġabet magħha ferħ kbir fil-familja tagħhom.
F’messaġġ mimli emozzjoni, Ellul ħabbar il-wasla ta’ binthom u qal, li din kienet “barka oħra minn Alla”, waqt li esprima l-ferħ tiegħu li kemm it-tarbija kif ukoll martu jinsabu f’saħħithom.
Ellul kiteb kliem ta’ tifħir għall-martu, li ddeskriviha bħala “formidabbli, perseveranti u bi grinta” matul il-ħlas kollu. Huwa żvela wkoll, li minkejja dak kollu li għaddew minnu, il-ħlas ma damx wisq.
Issa, il-familja Ellul għandha membru ġdid li se jġib miegħu aktar imħabba, tbissim u memorji sbieħ. Iċ-ċkejkna ngħatat l-isem sabiħ ta’ Cecilia Fiorenza, u diġà qiegħda mdawra bl-imħabba tal-ġenituri tagħha.
Ellul kiteb ukoll, messaġġ dirett lil binthom il-ġdida: “Il-mamà, il-papà, u ħuk Pio Leone jħobbuk.”
Għal Pio Leone, li issa sar il-“kbir”, jibda wkoll kapitlu ġdid hekk kif se jkollu l-irwol speċjali ta’ ħu l-kbir, mimli mħabba u responsabbiltà lejn oħtu ċ-ċkejkna.
Minn qalbna, nifirħu lil Ellul, il-martu u l-familja kollha tiegħu għal din il-wasla sabiħa, kif ukoll nawguraw lil Cecilia ħajja mimlija saħħa, ferħ u mħabba.
Facebook/James Aaron Ellul