“Jekk jogħġbok, ara lili u mhux id-diżabilità tiegħi.” Dan huwa l-messaġġ qawwi li qasmet Jeanesse Abela, hekk kif tkellmet b’mod sinċier dwar l-esperjenzi tagħha u l-isfidi li kultant iġġib magħha d-diżabilità.
Jeanesse ammettiet li taf xi jfisser tiġġieled għal post f’dinja li kultant tagħmlek tħossok li ma tappartjenix. Hija qalet, li ġiet sottovalutata u affaċċjat ostakli, tant li kien hemm mumenti li staqsiet lilha nnifisha jekk in-nies jarawhiex għal dak li verament hi, jew sempliċement għal dak li ma tistax tagħmel.
Għaldaqstant, wara d-diżabilità tagħha hemm persuna b’qalb, ħolm, sentimenti, abbiltajiet u ħafna mħabba x’tagħti.
Jeanesse saħqet, li ma tridx ħniena, iżda opportunità. Ma tridx trattament speċjali, iżda trattament ugwali. Ma tridx tkun eskluża, iżda trid tħoss li tagħmel parti mis-soċjetà.
“Id-diżabilità tiegħi tista’ tagħmel xi affarijiet aktar diffiċli, iżda ma tagħmilx ħajti inqas ta’ valur,” qalet.
Hija appellat, biex ma jingħalqux il-bibien quddiem persuni sempliċiment għax huma differenti, iżda biex jinfetħu l-opportunitajiet ħalli huma jkunu jistgħu juru x’kapaċi jagħmlu.
Il-messaġġ tagħha huwa wieħed ċar: persuni b’diżabilità mhux qed jitolbu aktar minn ħaddieħor. Qed jitolbu l-istess drittijiet, l-istess rispett u l-istess post fis-soċjetà.
Għax wara kull diżabilità hemm bniedem li jrid biss jiġi meqjus, mismugħ, maħbub u inkluż.
Facebook/Jeanesse Abela