“Dejjem Kelli Fiduċja Kbira Kemm Fil-Karattru U Fil-Produzzjoni… Dejjem Kont Noħlom Li Xi Darba Għad Irrid Ninterpreta Dan Il-Karattru.” – Soraya

Soraya

Bħal dan iż-żmien sena ilu kien tħabbar li ħa tixxandar is-sensiela televiżiva Karmena Abdilla. Ġie żvelat li l-attriċi lokali Soraya Chetcuti ser tkun qed tinterpreta l-irwol ta' Karmena, apparti li hi wkoll ħadet ħsieb il-kitba u d-direzzjoni tal-produzzjoni.

Soraya tkellmet ma' Gwida.mt dwar din l-esperjenza mill-isbaħ, u tgħidilna li propju fil-31 ta' Lulju 2025 kienu lestew mill-filming, ġifieri kważi sena ilu eżatt.

Tgħidilna dwar din l-esperjenza u s-suċċess li kisbu meta tara r-rispons tan-nies.

"Bħala esperjenza kienet ħafna akbar milli stennejt. Dejjem kelli fiduċja kbira kemm fil-karattru u kemm fil-produzzjoni, imma peress li kienet l-ewwel kitba tiegħi u l-ewwel direzzjoni tiegħi għal xi ħaġa kbira daqshekk għat-televiżjoni, dejjem ikun hemm id-dubju ta' kif se jintlaqgħu l-pinna u d-direzzjoni."

L-awtriċi u d-direttriċi tgħid li n-nies għadhom juru x-xewqat li tkompli s-sensiela, iżda s'issa għad m'hemm xejn konfermat. L-istorja kienet kompliet fuq il-palk ukoll u kienet suċċess ieħor. F'April li ġej, ser tkun qed tkompli l-istorja fuq il-palk, tgħidilna Soraya.

Tkellimna anke dwar il-karattru ta' Karmena Abdilla u dwar kif ħolqot u firxet il-karattri, b'uħud li forsi kienu jissemmew qabel iżda qatt ma dehru; fosthom Filomen ta' Ċaqlaq, Vitorju tal-laħam."

"Bħala karattru minn dejjem kien jaffaxxinani. Minn meta kont għadni tfal kbirt nara lil Karmena Abdilla, dejjem kont noħlom li xi darba għad irrid ninterpreta dan il-karattru. Meta ovvjament irnexxielna nagħmluha fuq il-palk bħala t-tieġ ta' Karmena Abdilla, imbagħad ġie approvat li nagħmlu s-serje, u bdejt nifrex il-karattri kif dejjem immaġinajthom jien minn tfuliti, kelli dak il-gwadann li nagħti l-ħajja lil dawk il-karattri li kienu jissemmew biss u qatt ma rajniehom."

Soraya grata li għad hemm l-istess entużjażmu mill-pubbliku, anke mir-ripetizzjonijiet li qed jixxandru ta' Karmena Abdilla. Tinsab sodisfatta u kuntenta bir-riżultat.

Ritratti:

Facebook/ Soraya Chetcuti

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI