Christa Cilia titkellem dwar dak li tgħix, jum wara jum. Hi tistqarr, “Din hija l-verità li ngħaddu minnha kuljum. Affarijiet li ma noqogħdux niktbuhom – x’nirċievu mingħand in-nies li jridu jneħħu l-klieb: ħafna theddid bħal, ‘Dan il-kelb irrid inneħħih jew inraqqdu,’ jew ‘Tista’ tiġi tieħdu issa għax daqt nitfgħuh barra fit-triq.'”
Hi tkompli, “Nagħtu l-għajnuna, imma sfortunatament mhux dejjem inkunu nistgħu, minħabba l-ammont ta’ klieb li nirċievu kuljum. Fid-dar, fil-każ tiegħi, inżomm 30 kelb – mhux dejjem nista’ ndaħħal aktar. Sħabi l-attivisti għandhom l-annimali tagħhom ukoll, u bħali, ma jkunux jistgħu dejjem jidħlu dar. Is-santwarji huma mimlijin bl-istess mod.”
Christa tkompli, “It-theddid li Bruce se jitraqqad saret realtà… Bruce traqqad ħabba li post ma kienx hawn għalih, traqqad Bruce għax ma stajniex ngħinuh malajr imma kellna bżonn ftit ġranet forsi konna nsibu soluzzjoni għalih. Fl-aħħar mill-aħħar, ġie mraqqad għax qalbna u l-qalb ta’ min għamel din il-krudeltà ma jħabbtux l-istess.”
Hi tgħid, “Dan il-video huwa tal-bieraħ – kelb ferħan, igawdi l-kumpanija tan-nies. Tista’ timmaġina lil dan il-kelb ferħan tmur u twaqqaflu qalbu hekk? Tal-biki lanqas biss timmaġina ma trid aħseb u ara ssir realtà. Strieħ Bruce la fallewk.”
Facebook / Christa Cilia