Helena Dalli, li mistennija sservi bħala Aġent President f’każ li l-President Myriam Spiteri Debono tkun barra mill-pajjiż, qasmet l-ewwel kumment tagħha minn meta ħarġet din l-aħbar.
Helena Dalli li serviet f’diversi karigi kemm lokalment u anke fl-isfera internazzjonali tikteb, “Grazzi lill-Prim Ministru Robert Abela għall-fiduċja li wera fija bil-ħatra tiegħi ta’ Aġent President ta’ Malta. Din hija responsabbiltà li naċċetta b’umiltà u determinazzjoni, kif dejjem għamilt u kif nibqa nagħmel kull darba li jsejjaħli pajjiżi.”
Hi żżid, “Lill-poplu Malti u Għawdxi, nagħtikom ħajr għas-sostenn u l-fiduċja li dejjem urejtu fija. Grazzi lilkom kollha li ktibtuli messaggi u kummenti ta’ konġratulazzjoni u ċempiltuli biex tifirħuli; l-appoġġ tagħkom ifisser ħafna għalija.”
Helena tgħid, “Inwiegħed li naħdem biex inwettaq id-dmirijiet tiegħi b’dedikazzjoni, integrità u mpenn. Flimkien inkomplu nibnu ġejjieni ibbażat fuq il-valuri tal-għaqda, ġustizzja, prosperità, sostenibbiltà, u inklużjoni, filwaqt li nippromwovu l-innovazzjoni u s-solidarjetà fost il-komunitajiet tagħna.”
Nawgurawlha f’dan l-irwol il-ġdid!
Facebook / Helena Dalli