L-atleta Malti James Camilleri ħabbar li mhux se jkun jista' jieħu sehem fit-Triple Ironman fl-Awstrija fit-28 ta' Awwissu, wara li sofra ksur fil-clavicle f'inċident bir-rota li seħħ il-Ħadd li għadda. Camilleri spjega li kien ilu xhur iħejji ruħu għal din l-isfida kbira, li kienet se tagħtih l-opportunità li jsir it-tieni Malti li jtemm kompetizzjoni ta' din il-portata.
"Fit-28 t'Awwissu għandi nkun fuq starting line ġewwa l-Awstrija biex nikkompeti fit-Triple Ironman," kiteb. "Tlielaq bħal dawn jirrikjedu ħinijiet twal ta' taħriġ, dedikazzjoni, attenzjoni dwar l-ikel li niekol, nuqqas ta' ħruġ kemm ma' tal-familja u ħbieb u sagrifiċċji oħrajn."
Madankollu, spjega li l-ħolma tiegħu mhux se tkun tista' sseħħ din is-sena. "Sfortunatament din il-ħolma li nkun it-tieni Malti li nagħmel din it-tul ta' kompetizzjoni mhux ser isseħħ dis-sena u ħa jkollha tistenna." L-atleta rrakkonta kif l-inċident seħħ waqt li kien qed isuq ir-rota minn Triq San Pawl fid-direzzjoni tax-Xemxija.
"Il-Ħadd li għadda jien u nieżel Triq San Pawl direzzjoni lejn ix-Xemxija kelli inċident bir-rota. Dan kollu minħabba l-ħofor eċċessivi li fiha dit-triq. Inċident li seta' faċilment ikun evitat li kieku għandna infrastruttura diċenti."
Huwa spjega li "spiċċajt biex blajt ħofra qawwija minnhom u tirt minn fuq ir-rota. X'ħin ġejt biex inqum indunajt li did-darba ma kinitx sempliċiment 'tarmac burns'. Ċempluli l-ambulanza u dħalt l-isptar, u wara testijiet u x-rays ikkonfermaw li ksirt il-clavicle (collar bone)."
Camilleri żvela wkoll li lbieraħ għadda minn operazzjoni u issa beda l-proċess ta' rkupru. "Ilbieraħ ġejt operat u issa beda l-vjaġġ biex nibda nirkupra bilmod. Realtà illi għadni lanqas aċċettajt verament għax għadni maħsud kif kollox inbidel f'teptipa t'għajn."
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, huwa rringrazzja lill-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei għad-dedikazzjoni tagħhom. "Nixtieq ngħid grazzi kbira lill-istaff kollu ta' Mater Dei li għalkemm bil-kemm ilaħħqu bl-ammont eċċessiv ta' xogħol li għandhom, però jaħdmu qatigħ u b'ċertu mħabba. Professjonali u dedikati ta' vera!! Għandna nieħdu ħsiebhom u napprezzawhom!!"
Araw il-post tiegħu HAWN.
Facebook / James Camilleri