Għal Elsie, il-baħar mhuwiex sempliċement post fejn tqatta' ġurnata sabiħa. Għaliha, il-baħar ifisser libertà, kuraġġ u l-opportunità li, anke għal ftit ħin, tinsa l-isfidi li taffaċċja ta' kuljum.
F'episodju tal-programm Marelli, it-tim ta' ALS Malta ħejja sorpriża emozzjonanti għal Elsie, li tgħix qrib DAR Bjorn u li, minkejja d-diffikultajiet fil-mobilità tagħha, qatt ma tilfet l-imħabba tagħha lejn il-baħar. Flimkien ma' Michelle Muscat u bl-appoġġ tat-tim, Elsie kellha l-opportunità terġa' tinżel tgħum.
Meta saret taf x'kien qed jistennieha, it-tbissima tagħha qalet kollox. Bl-għajnuna ta' dawk ta' madwarha, Elsie daħlet fil-baħar u reġgħet esperjenzat is-sens ta' libertà li tant kienet tħossha nieqsa minnu. Għal dawk il-ftit mumenti, il-limitazzjonijiet spiċċaw fl-isfond, hekk kif għamet, daħket u gawdiet kull sekonda.
L-istorja ta' Elsie hija tfakkira qawwija ta' kemm ġest li jista' jidher żgħir jista' jagħmel differenza enormi fil-ħajja ta' persuna. Fl-istess ħin, turi l-ħidma kontinwa ta' ALS Malta u DAR Bjorn biex persuni li jgħixu b'kundizzjonijiet newroloġiċi jingħataw kura speċjalizzata, dinjità, appoġġ u kwalità ta' ħajja aħjar.
Dan il-mument sabiħ jasal ukoll bħala appell lill-pubbliku hekk kif fit-30 ta' Awwissu se jsir it-telethon nazzjonali Tinsinix, b'risq DAR Bjorn. Kull donazzjoni, żgħira jew kbira, tgħin biex din il-ħidma tkompli u biex aktar persuni bħal Elsie jkollhom aċċess għall-kura, l-appoġġ u esperjenzi li jagħmlulhom differenza vera f'ħajjithom.
Min jixtieq jara l-esperjenza emozzjonanti ta' Elsie jista' jagħmel dan permezz tal-filmat ippubblikat fuq YouTube, filwaqt li fit-30 ta' Awwissu huwa mħeġġeġ isegwi t-telethon Tinsinix u jagħti l-kontribut tiegħu b'risq DAR Bjorn. Wara kull donazzjoni hemm persuna, familja u ħajja li tista' tinbidel.
Facebook / DAR Bjorn