L-atmosfera fil-villa ta’ Love Island Malta qed tkompli tisħon ġmielha. Wara l-isfida tal-heart rate, l-emozzjonijiet splodew u nħolqot tensjoni kbira, b’mod speċjali bejn Luke u Zack.
Iżda l-akbar splużjoni ddominat l-aħħar parti tal-episodju li għadda. Waqt logħba fejn il-kontestanti kellhom iwieġbu xi mistoqsijiet, Yasmine ġiet mistoqsija min, apparti Neil, kien qed jogħġobha mill-ġuvintur. Mingħajr tlaqliq, hi wieġbet li l-ieħor huwa Zack. Din it-tweġiba xejn ma ntgħoġbot minn Neil, li bħalissa jinsab magħha f’koppja, u bejniethom inqala’ argument jaħraq wara li Neil ilmenta li din kienet l-ewwel darba li sama’ b’dan l-interess.
Biex l-affarijiet ikomplu jitħabblu, il-promozzjoni għall-episodju li jmiss uriet li hemm koppja oħra f’riskju, fejn Teo esprima d-dubji tiegħu dwar il-futur tar-relazzjoni tiegħu ma’ Melina ladarba joħorġu mill-villa. B’din id-drama kollha, kollox jista’ jinbidel minn mument għall-ieħor!