Elementi Sajfin 2026, l-attività annwali organizzata mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra, se terġa’ tlaqqa’ flimkien residenti, familji u viżitaturi għal serata mimlija mużika, żfin, arti u divertiment nhar is-Sibt, 18 ta’ Lulju 2026, fil-Milord, ix-Xgħajra.
L-attività qed tittella’ wkoll bl-appoġġ finanzjarju ta’ skema tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, li permezz tagħha l-Kunsilli Lokali qed jingħataw fondi biex jorganizzaw inizjattivi kulturali u soċjali li jkomplu jsaħħu l-komunitajiet tagħhom.

Id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tax-Xgħajra Neil Attard. Fl-aħħar ħames snin, Elementi Sajfin kompla jikber u sar wieħed mill-appuntamenti ewlenin fil-kalendarju tal-lokalità, fejn kull sena jiġbed numru kbir ta’ familji, residenti u turisti għal esperjenza unika mal-baħar.
Il-Ministru Zerafa Civelli qalet li inizjattivi bħal dawn juru r-rwol importanti tal-Kunsilli Lokali fil-ħolqien ta’ spazji fejn il-komunitajiet jistgħu jiltaqgħu u jgawdu minn attivitajiet ta’ kwalità.

"Elementi Sajfin huwa eżempju ċar ta’ kif il-Kunsilli Lokali qed ikomplu jkunu mutur importanti fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ inizjattivi bħal din, mhux biss qed noħolqu spazji ta’ divertiment u laqgħat għall-familji, iżda qed nagħtu wkoll valur lit-talent lokali, lill-kultura u lill-identità tal-lokalitajiet tagħna," qalet il-Ministru.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Neil Attard spjega li l-għan ta’ Elementi Sajfin huwa li jkompli jġib lill-komunità flimkien filwaqt li jagħti spazju lit-talent lokali. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi wirjiet ta’ mużika live, żfin u diversi attivitajiet għall-familja. Barra minn hekk, il-pubbliku se jkun jista’ jżur wirja tal-karozzi, kif ukoll igawdi minn għażla ta’ ikel u xorb f’atmosfera sabiħa mal-baħar.
Elementi Sajfin 2026 se jsir bejn is-18.30 u l-23.00 fil-Milord, ix-Xgħajra, u d-dħul għall-attività huwa kompletament bla ħlas.