Malta laqgħet 457,636 turist matul Mejju 2026, żieda ta' 22.3% meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena li għaddiet, filwaqt li l-infiq totali tal-viżitaturi tela' għal €419.9 miljun, skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
Fl-ewwel ħames xhur tas-sena, pajjiżna rreġistra 1.67 miljun turist, żieda ta' 17.9% fuq l-istess perjodu tal-2025. Il-maġġoranza tal-viżitaturi ġew għal btala, filwaqt li kważi 24,000 persuna żaru Malta għal raġunijiet ta' xogħol.
Anke t-turiżmu tan-negozju kompla jikber b'mod qawwi, b'żieda ta' 32.8% fin-numru ta' viżitaturi għal skopijiet professjonali. Fl-istess waqt, dawk li vvjaġġaw mingħajr pakkett turistiku żdiedu aktar minn dawk li għażlu btala b'pakkett organizzat.
Intant, Għawdex u Kemmuna komplew igawdu minn din iż-żieda fit-turiżmu, hekk kif matul Mejju laqgħu 268,229 viżitatur, ekwivalenti għal 58.6% tat-turisti kollha li żaru Malta matul ix-xahar.
Bejn Jannar u Mejju, iż-żjarat fil-gżejjer Maltin laħqu 845,587, li jfisser li aktar minn nofs it-turisti li waslu f'Malta żaru wkoll lil Għawdex u Kemmuna.