Erba’ Midalji Għall-Istudenti Maltin Tal-ITS F’Kompetizzjoni Internazzjonali Fl-Italja!

Erba’ studenti mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) għamlu unur lil Malta wara li rebħu midalja tad-deheb, waħda tal-fidda u żewġ midalji tal-bronż waqt kompetizzjoni internazzjonali li saret f’Ferrara, l-Italja.

Il-kompetizzjoni kienet parti mid-39 edizzjoni tal-Konferenza Annwali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Iskejjel tal-Lukandi u t-Turiżmu (AEHT), li saret bejn it-2 u s-7 ta’ Novembru. Għal din l-attività ħadu sehem 530 student minn 125 skola, mifruxa fuq 24 pajjiż fi tliet kontinenti differenti.

Avril Spiteri kisbet il-midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni tal-ħsieb strateġiku, fejn ħadmet ma’ studenti mill-Belġju, il-Kroazja u n-Netherlands biex jiżviluppaw pjan strateġiku għal lukanda f’Ferrara. Hija kienet iggwidata mil-lettur Ruth Azzopardi.

Daniel Balzan rebaħ il-midalja tal-fidda fil-kompetizzjoni tal-arti kulinarja, fejn ikkompeta flimkien ma’ studenti minn Franza u l-Italja, taħt il-gwida tal-lettur Rodrick Attard Ghiller.

Iż-żewġ midalji tal-bronż intrebħu minn Kacey Farrugia u Leon Aquilina. Kacey kisbet il-midalja fil-kompetizzjoni tal-ħelu, flimkien ma’ student mill-Belġju, filwaqt li Leon kiseb il-bronż fil-kompetizzjoni tas-servizz fir-ristoranti, flimkien ma’ student min-Netherlands.

L-ITS esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn ir-riżultati mill-isbaħ, filwaqt li feraħ lill-istudenti kollha li rrappreżentaw lill-istitut b’dedikazzjoni u professjonalità. Il-parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni kienet possibbli wkoll grazzi għall-appoġġ tal-programm Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea.

Prosit kbira lil Avril, Daniel, Kacey u Leon! Żgur li għamiltu unur lil Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI