Messaġġ ta’ ringrazzjament u apprezzament ġie maqsum fuq il-paġna Malta, new, photos and people, fejn persuna riedet tesprimi l-gratitudni tagħha lejn kuntistabbli tal-Pulizija, PC2029, għall-għajnuna li taha f’mument ta’ bżonn.
Skont il-messaġġ, il-pulizija ma qagħadx lura milli jwaqqaf dak kollu li kien qed jagħmel sabiex jeskortaha lejn l-Isptar Mater Dei, fid-Dipartiment tal-Emerġenza, flimkien ma’ tarbija ta’ erba’ xhur.
Il-persuna faħħret il-professjonalità u d-dedikazzjoni li wera l-pulizija matul dawk il-ftit minuti, u rringrazzjatu mill-qalb tas-servizz li ta lill-familja tagħha.
Filwaqt li awguratlu li xi darba jsib min iroddlu lura t-tajjeb li għamel, temmet il-messaġġ bit-tama li dan ir-ringrazzjament jasallu. Eżempju sabiħ ta’ kif għemil wieħed jista’ jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħaddieħor.