Keith żgur li mhux wiċċ ġdid għalikom. Dawk li jsegwu x-xena lokali żgur li xi darba jew oħra rawh f’xi wirja, f’xi festival jew inkella f’xi sfilata jew spettaklu jiżfen. Keith iħares lura fiż-żmien għax illum qed jiċċelebra anniversarju partikolari.
Hu jikteb, “Eżattament bħal-lum 21 sena ilu tajt l-ewwel lezzjoni taż-żfin. Qas irrid nemmen fejn wasalt wara dak iż-żmien kollu. Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lil ħafna studenti u ġenituri li għażlu lili bħala l-għalliem tagħhom, lil ħafna nies li taw diversi opportunitajiet lili u l-istudenti tiegħi.”
Keith iżid, “Nixtieq però nsemmi lil dawk li kienu tal-bidu nett li bdew it-triq tal-karriera tiegħi. Noel Castillo u Natius Farrugia li kienu l-ewwel nies li fetħuli l-bibien tal-opportunitajiet tal-wirjiet. Lil Ritienne Mifsud li kienet il-persuna li mill-ewwel bdiet tiddisinja kostumi u tagħmel xagħar u l-make-up taż-żeffiena. Lil Natasha u Charlene Grima li fetħuli l-opportunitajiet fil-qasam tal-festivals. Lil Benny Casha, li sfortunatament m’għadux magħna, imma grazzi għalih li fetaħli l-opportunitajiet għall-produzzjonijiet teatrali.”
Hu jkompli b’ringrazzjament speċjali, “U fuq kollox lil ommi, li kienet il-persuna li għexet miegħi din l-esperjenza kollha, ħafna drabi b’diversi sagrifiċċji li kellha tagħmel b’mod kontinwu biex tara lili nirnexxi. Fuq kollox nirringrazzja lil dawk kollha li, b’xi mod jew ieħor, kienu hemm għat-triq li waslitni s’hawn illum.”
Jitkellem fuq il-pass li għamel, “Illum il-ġurnata inħoss li tlajt għaxar tarġiet u jonqosni ħafna iktar x’nitla’ għax fil-ħajja dejjem trid tkun lest biex tkompli titgħallem iktar. Grazzi għaż-żfin, kelli ħafna opportunitajiet, fosthom anke li nippreżenta programmi televiżivi. Għandi holma li għad nerġa’ nkun fuq it-televiżjoni b’xi programmi minn tieghi (min jaf!!!). “
Kieth isemmi ħolma li ġiet reali, “Snin twal għamilt b’ħolma li jkolli programm fuq ir-radju u dejjem sibt bibien magħluqa, sakemm f’ħajti tfaċċa Manuel Chircop li, mingħajr ma ħasibha darbtejn, għallimni u fetaħli bibien kbar.”
Hu jagħlaq billi jgħid, “X’jonqos issa??? Ħolma oħra li għandi hi li nidħol fid-drama u nittama li tiġri ukoll fil-futur qarib. Iżda, fuq kollox, nibqa’ nirringrazzja lill-Bambin li, illum-il ġurnata, tani familja li tatini sapport kbir f’dak kollu li nagħmel. Grazzi Mulej u grazzi lil kulħadd.”
Awguri għal aktar snin Keith!
Facebook / Keith Carl Grima Fitzpatrick