Kif Gwida.mt irrapurtat, ftit tal-jiem ilu, 17-il belt Taljana esprimiet ix-xewqa li torganizza l-Eurovision Song Contest li jmiss. Rapporti ġodda qed jgħidu li t-tellieqa se tkompli bejn 5 kandidati biss, hekk kif it-tim tal-produzzjoni tal-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision eliminaw il-proposti li ma kienux sostenibbli biżżejjed.
Il-5 bliet li jidher li għadhom fit-tellieqa biex jorganizzaw l-edizzjon li jmiss tal-Eurovision Song Contest huma Bolonja, Milan, Pesaro, Rimini u Turin, b’din tal-aħħar tibqa’ fuq quddiem nett bħala l-għażla favorita ta’ bosta.
Skont il-ġurnal Taljan, Il Resto del Carlino, l-EBU flimkien mar-RAI mistennija jħabbru l-għażla finali fil-jiem li ġejjin. Ġie rrapurtat ukoll li qed isiru żjajar fil-5 bliet magħżula biex isir l-assessjar xieraq u minn hemm tingħażel il-belt li se torganizza l-Eurovision ta-2022.
Jekk il-belt magħżula tkun Bolonja allura hemm ċans kbir li l-Eurovision jittella’ fil-Unipol Arena b’ċans għal 18,000 spettatur li jsegwi l-ispettaklu live. Jekk tingħażel il-belt ta’ Milan, allura aktarx tkun l-arena tal-Mediolanum Forum li tospita l-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision b’ċans għal 12,700 spettatur.
Pesaro qed joffru li jorganizzaw il-Eurovision li jmiss fil-Vitrifigo Arena, b’ċans għal 10,000 spettatur li jsegwi l-ispettaklu live. Jekk mill-banda l-oħra tingħażel Rimini, il-Eurovision jittella’ fil-Fiera di Rimini; filwaqt li jekk jittella’ f’Turin il-Eurovision aktarx ikun organizzat fil-Pala Alpitour li tilqa’ fiha aktar minn 13,000 ruħ.
