“F’Din L-Iskeda Ser Naħdmu B’karozzi Aktar Frekwenti U Rotot Li Jaqdu Aħjar Il-Bżonnijiet Tagħkom” – Il-Ministru Chris Bonett

Mil-lbieraħ bdiet uffiċjalment l-iskeda tas-Sajf tat-trasport pubbliku, li se ġġib magħha aktar frekwenza fis-servizzi u bidliet f’diversi rotot sabiex dawn jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tal-passiġġieri matul ix-xhur tas-sajf.

Dan tħabbar mill-Ministru għal Trasport Sostenibbli, Chris Bonett, permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali. Il-Ministru spjega li l-iskeda l-ġdida se tkun qed toffri servizzi aktar frekwenti, filwaqt li ċerti rotot ġew aġġustati biex jirriflettu aħjar il-bżonnijiet tal-komunitajiet differenti matul dan il-perjodu tas-sena.

Fost l-aktar bidliet notevoli hemm dik relatata mal-karozza tal-linja 119, li minn illum se tibda tidħol fil-qalba taż-Żejtun minflok tibqa’ tagħmel ir-rotta tagħha minn Marsaskala għal Ħal Far biss. Din il-bidla hija mistennija ttejjeb il-konnettività għar-residenti taż-Żejtun u dawk li jużaw ir-rotta regolarment.



Bonett enfasizza wkoll l-importanza tat-trasport pubbliku fil-pjanijiet tal-Gvern għal din il-leġiżlatura, fejn qal li s-servizz tal-linja se jkun wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ħidma fil-qasam tat-trasport.



Huwa sostna li hemm bżonn ta’ riforma importanti fis-servizz tat-trasport pubbliku sabiex dan ikun jista’ joffri livell aħjar ta’ effiċjenza u affidabbiltà lill-pubbliku.

“Tal-linja ser ikun pilastru importanti ħafna f’din il-leġiżlatura. Trid issir riforma importanti fuq dan is-servizz li tant għandna bżonnu jaħdem sew u kommessi li nwettquha,” qal il-Ministru.

L-introduzzjoni tal-iskeda tas-Sajf hija meqjusa bħala pass ieħor lejn titjib fis-servizz tat-trasport pubbliku, hekk kif aktar nies jagħżlu li jużaw il-karozzi tal-linja għall-vjaġġi tagħhom ta’ kuljum.



Ritratti:

Facebook / Chris Bonett

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI