Il-qalba tal-Mosta se tieħu atmosfera differenti nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru, hekk kif Pjazza Rotunda se tilqa’ Festa Qargħasel, avveniment li se jgħaqqad flimkien ikel, mużika u divertiment għall-familja kollha. L-attivitajiet se jibdew mill-17:00 ’il quddiem, b’serata li għandha żewġ protagonisti partikolari, l-għasel u l-qargħa ħamra. Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jduru ma’ diversi stands b’ikel, xorb u prodotti li jużaw dawn iż-żewġ ingredjenti b’modi differenti.
Naturalment, il-mużika se jkollha sehem importanti fis-serata. Fuq il-palk se jitilgħu Gaia Gambuzza, Corazon, Karin Duff u Kurt & the Band, filwaqt li Andreana Debattista se tkun qed tmexxi s-serata bħala l-host tal-avveniment. Se jkun hemm ukoll live cooking ma’ Gwen minn Gwen’s Cooking, li se turi kif l-għasel u l-qargħa jistgħu jintużaw biex jinħolqu platti kreattivi u differenti.

Ma’ dan se tiżdied kollaborazzjoni speċjali ma’ Sphinx, li għal din l-okkażjoni se tkun qed tippreżenta delikatezza maħluqa apposta għal Festa Qargħasel. Għal dawk li jħobbu jesperimentaw b’togħmiet ġodda, għalhekk, żgur li se jkun hemm x’jiskopru matul is-serata. L-avveniment huwa maħsub ukoll għall-familji. Se jkun hemm żona kbira ddedikata apposta għat-tfal, flimkien ma’ face painting b’xejn, biex anke ż-żgħar ikollhom id-divertiment tagħhom.
L-organizzaturi ħasbu wkoll għal waħda mill-akbar sfidi ta’ avveniment fil-qalba tal-Mosta – il-parkeġġ. Matul il-lejla se jkun qed jiġi offrut servizz ta’ Park & Ride b’xejn minn MCAST Mosta sa Pjazza Rotunda, biex dawk li jattendu jkunu jistgħu jħallu l-karozza u jaslu sal-avveniment b’aktar faċilità. Festa Qargħasel se ssir nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru, mis-17:00 ’il quddiem, fi Pjazza Rotunda fil-Mosta.
L-avveniment qed jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u VisitMalta. Serata differenti fil-qalba tal-Mosta li twiegħed taħlita ta’ togħmiet, talent lokali u divertiment għal kull età.
Segwu l-paġna uffiċjali tal-avveniment HAWN.