“Kemm Jien Kburi Li Jien Ġirbi!” – Luca Lorenzo Jisħaq Kemm Hu Xxurtjat Li Jista’ Jsejjaħ Lill-Birgu, Raħal Twelidu

Luca Lorenzo

“Hello, jien mill-Birgu.” Sentenza sempliċi li għal Luca Lorenzo għandha tifsira ferm akbar minn sempliċi introduzzjoni. Hija frażi li jħoss li trid tkun preżenti f’kull konverżazzjoni meta jiltaqa’ ma’ bniedem ġdid, għax hekk tgħallem.

F’messaġġ li qasam fuq Facebook, f'Jum il-Birgu, Lorenzo jirrifletti fuq kif matul is-snin ra lill-Birgu jinbidel mhux ħażin. Minn post fejn ma tħalliex karozza tgħaddi, għal post li llum jilqa’ anki super yachts. Huwa jsemmi wkoll kif il-Birgu minn post li darba kien imwarrab min-nies, sar post imfittex għal tiġijiet, pranzi, ikliet u okkażjonijiet differenti.

Iżda, minkejja dawn il-bidliet kollha, hemm ħaġa waħda li qatt ma nbidlet: l-imħabba tal-Ġirbin lejn darhom u lejn il-karattri li jagħmlu lill-Birgu dak li hu.

Lorenzo jfakkar, f’ismijiet u xeni li għal ħafna Ġirbin huma parti mill-memorji tagħhom – minn Ġużi li jbigħ il-ħut, sa Piżellu li jkanta “Dear Poni” fil-pjazza, il-gang tal-Lans jitkellmu fiż-żmien il-ħanut, l-analiżi tal-football ġo Cafe Du Brazil, u anki l-Kaltz jibda juri naqra mill-presepju, għax, kif jgħid Luca, “Il-Birgu huwa niesu.”

U forsi proprju għalhekk, illum hija ġurnata perfetta biex nieqfu għal belgħa kafè jew tè, inħarsu madwarna u ngħidu bi kburija: Kemm jien kburi li jien Ġirbi!” Dan ifakkarna li l-belt mhijiex biss il-bini, it-toroq jew il-postijiet tagħha – hija n-nies, il-memorji u l-imħabba li jgħixu fiha.

Ritratti:

Facebook/Luca Lorenzo

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI