Kulħadd jaf li Amber hi għalliema u mhux l-ewwel darba jew tnejn taqsam il-ħsibijiet tagħha dwar dak li tara fil-klassi u kif l-istudenti jmissulha qalbha. Aktar ma jkunu żgħar aktar ħa tara kambjament fihom.
Amber tistqarr, “Ta’ kuljum nidħol fil-klassi nipprepara biex nilqa’ lill-istudenti. Ta’ kuljum inkun ħerqana biex narahom. Kull ġurnata hija opportunità oħra biex nitgħallmu minn xulxin.”
Hi tkompli, “Għalija, li nkun għalliema mhux xogħol imma vokazzjoni. F’dan iż-żmien tas-sena fejn l-iskola tkun waslet fi tmiemha, inħares lura lejn is-sena skolastika li qattajt mat-tfal u nitbissem.”
Hi tispjega, “Filli żgħar żgħar deħlin fil-klassi u filli jirraġunaw qishom adulti. Nispera li nkun ħallejt impatt fuq it-tfal daqs kemm huma kienu ħallew impatt fuqi.”
Kliem li żgur diversi għalliema jirrelataw miegħu u jħossu l-istess emozzjonijiet li tħoss Amber. Il-vokazzjoni tagħhom hija speċjali wisq.