Fi tmiem il-kunċert spettakolari ta’ La Voix Studios, The Greatest Show, li ġabar flimkien talenti ta' kull età li ilhom jitħarrġu taħt il-gwida ta’ Gillian Attard, seħħ mument li ħadd ma kien qed jistenna. Hekk kif l-udjenza kienet mimlija emozzjoni wara filmat mill-isbaħ tal-familjari ta' kull membru tat-tim, il-maħbub tagħha George A. Camilleri tela’ fuq il-palk u b’ġest ta’ mħabba kbir, staqsieha sabiex tkun martu.
Kien mument ta’ ferħ kbir mhux biss għal Gillian, iżda wkoll għall-familja estiża tagħha magħmula mill-għalliema dedikati, l-istudenti, il-ġenituri ta’ dawn l-istudenti u l-ħbieb tal-qalb li ilhom jagħmlu parti minn din il-komunità. L-udjenza kollha kienet xhieda ta' dak li bla dubju se jibqa’ mument storiku kemm għall-ħajja personali tagħha kif ukoll għall-karriera tagħha.
Ftit wara, Gillian qasmet dan il-mument speċjali fuq il-midja soċjali tagħha, fejn kitbet b’qalbha kollha, "Fl-iktar mument mhux mistenni, niżel għarkupptejh u talabni biex inkun tiegħu għal dejjem. Qalbi qabżet taħbita, għajnejja mtlew bid-dmugħ, u bl-imħabba kollha fija... għedt IVA. Inħobbok George A. Camilleri."
Il-filmat ta’ din il-proposta emozzjonanti malajr inxtered fost is-segwaċi tagħha, u ħafna ħallew kummenti ta’ ferħ u awguri lill-koppja. Ħafna enfasizzaw kif dan huwa xhieda ta’ kemm l-imħabba vera tista’ tfejjaq, issaħħaħ u toħloq memorji indimentikabbli.
F’isem it-tim kollu ta’ Gwida.mt, nixtiqulhom l-isbaħ xewqat u nittamaw li l-futur tagħhom ikun mimli mħabba, rispett u ħolm imwettaq flimkien.