Il-knisja dejjem kienet iddedikata lil San Ġiljan Konfessur u Ospitalier, ħlief għal xi żmien qasir fejn it-titular tbiddel għal Santa Marija fis-seklu dsatax. Tat l-isem lill-inħawi, li saru magħrufa bħala ‘Portus Sancti Juliani’ u aktar tard ‘San Ġiljan’. Iżda il-knisja hija magħrufa popolarment bħala ‘Ta’ Lapsi’ minħabba drawwa antika fejn nhar is-Solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema jew ‘Lapsi’, li kienet festa kmandata, il-poplu ta’ Birkirkara (San Ġiljan kien jifforma parti minn din il-parroċċa) u l-inħawi kien iżur din il-knisja u jipparteċipa fil-quddiesa u wara li jgħid it-talb tiegħu, jinżel qrib xatt il-baħar għall-ewwel għawma tal-istaġun tas-sajf.

Din id-drawwa ġiet iddokumentata mill-Vigarju Kapitulari, Monsinjur Salvatore Pontremoli, lura fl-1634. Magħha kienet marbuta ukoll il-fundazzjoni Martinu Borg. Il-programm ta’ din is-sena jsellem b’mod xieraq lil din it-tradizzjoni:
- 09:00 – Quddiesa fil-Knisja ta’ Lapsi
- 10:30 – Kunċert ta’ mużika sagra mill-Coro Bel Canto & String Ensemble, ppreżentat mill-Kunsill Lokali San Ġiljan. Kulħadd mistieden.
- 11:30 – Marċ mill-Knisja ta’ Lapsi, tul it-toroq taċ-ċentru storiku ta’ San Ġiljan, sas-St Julian’s Aquatic Sports Club, immexxi mill-Grupp tal-Iscouts ta’ San Ġiljan u akkumpanjat mit-tlett baned tal-lokal: Il-Banda San Ġiljan, Is-Soċjetà Mużikali Spinola, Is-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu, Balluta
- Wara l-marċ – L-għawma tradizzjonali, fil-bidu tal-istaġun tas-sajf, fis-St Julian’s Aquatic Sports Club.
L-attività tintemm b’marċi mit-tlett baned tal-lokal mad-dawra tal-baħar sal-monument ikoniku tal-‘LOVE’ fi Pjazza Spinola. Din l-attività qed tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, bil-kollaborazzjoni tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.