Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, s-surmast tal-Happy School Lelio Spiteri qasam mas-segwaċi tiegħu storja ħelwa, din id-darba mhux fl-iskola tiegħu, iżda li qasamha ma’ skola oħra.
Beda billi qal, “Ħriġt mill-iskola fis-2.05pm wara l-laqgħa mal-membri tal-istaff. Hekk kif wasalt fil-Pjazza ta’ Għajnsielem, nara grupp imdaqqas ta’ tfal jilagħbu fil-pjazza ewlenija tar-raħal b’uniformi li tixbaħ qatigħ lil tal-kulleġġ tagħna ta’ Għawdex. Ipparkjajt u nżilt. Staqsejt lil tifel minnhom mil-liema skola ġejjin. Qalli li huma studenti tal-Iskola Primarja ta’ Marsascala, ta’ Wied il-Għajn.”
Kompla billi żied jgħid, “Ersaqt lejn l-edukaturi. Għarfuni mal-ewwel u qbadna diskursata. Għalliem ieħor kien qiegħed ħdejn il-vann tal-ġelat u bil-paċenzja kollha kien qed jgħin lit-tfal jixtru ġelat. Kemm ħadt gost nitkellem mal-kollegi tagħna. Żgur li mhux ser jaslu d-dar sas-14:00! Imma għall-grazzja ta’ Alla għandna ħafna u ħafna edukaturi tal-qalb li ma joqogħdux ikejlu l-ħin u l-ħlas. U xi ngħidu għall-istudenti mbagħad? Bilgħaqal, jilagħbu l-ballun ma’ Nathan, tifel minn raħalna li kuljum ikun fil-pjazza quddiem il-knisja jilgħab il-ballun.”
Qal ukoll, “Illum ma lagħabx waħdu imma s-subien ta’ Marsascala lagħbu miegħu. Ma jafux lil xulxin minn Adam, imma l-ballun għaqqadhom qishom ħbieb mill-kbar. Kemm jgħallmuna t-tfal. Lill-edukaturi u lit-tfal tal-iskola primarja ta’ Marsascala … bravi!”
Facebook/Lelio Spiteri