F’Malta, fejn is-sħana tas-sajf tista’ taqbeż it-35°C, ta’ min jistaqsi jekk hux tajjeb li l-ħaddiema ta’ barra jaħdmu f’nofs il-ġurnata.
Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, xogħol fi klima sħuna jista’ jwassal għal għeja estrema, nuqqas ta’ konċentrazzjoni u riskji tas-saħħa serji, fosthom heat stroke. Il-ġisem uman jikkumbatti biex iżomm it-temperatura stabbli, iżda taħt sħana qawwija, il-mekkaniżmu naturali tiegħu jsir taħt pressjoni – speċjalment jekk il-persuna tkun qed tagħmel xogħol fiżiku.
Studji ppubblikati fil-International Journal of Environmental Research and Public Health juru li x-xogħol f’kundizzjonijiet ta’ sħana għolja jnaqqas il-produttività u jżid ir-riskju ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol.
Pajjiżi bħall-Awstralja u Spanja diġà adottaw prattiki fejn il-ħaddiema jibdew aktar kmieni u jieħdu pawsi regolari fid-dell u idratazzjoni.
Għal Malta, dan mhux biss jgħin biex jipproteġi s-saħħa tal-ħaddiema– iżda jagħti wkoll riżultat aħjar fuq ix-xogħol għax il-ġisem ma jaħdimx bħas-soltu taħt sħana estrema.